Fjuri indiġeni Maltin 8 – Il-Kaħwiela


logoSoċjetà Filarmonika Nicolò Isouard – Festa Santa Marija Mosta – Awwissu 2016    

Il-kaħwiela – Anemone coronaria – Crown Anemone

Alfred E. Baldacchino

Fuq ir-riħ tal-Wied tal-Isperanza nsibu Triq il-Kaħwiela. Isem ta’ fjura li ta’ min inkunu nafu ftit aktar fuqha.

Il-kaħwiela hija fjura li tikber fis-selvaġġ madwar il-Mediterran. Tinstab tikber ukoll f’pajjiżna għaliex hija fjura Maltija. Fjura indiġena għal Malta, jiġifieri minn dejjem kienet tikber fil-gżejjer Maltin u ma nġabetx hawn mill-bniedem. Din l-ispeċi tagħmel parti mill-familja taċ-ċfolloq (buttercups)  u tinstab fil-grupp (genus)  tal-Anemone.

L-ispeċi ta’ fjuri f’dan il-grupp għandhom basla tonda li tkun midfuna mhux fil-fond taħt wiċċ il-ħamrija. Din il-basla tagħmel il-kaħwiela pjanta perenni, jiġifieri tgħix għal aktar minn sentejn. F’pajjiżna twarrad minn Jannar sa Marzu. Imbagħad torqod matul ix-xhur tas-sajf, u kif tħoss l-ewwel xita fil-ħarifa, mill-basla jfeġġgħu u jikbru l-weraq.

Anemone_Coronaria 2Il-weraq jikbru fuq magħseb twil u x-xifer tagħhom ikunu maqtugħ forma ta’ swaba’. Il-magħseb tal-fjura wkoll jikber mill-basla. Dan joħroġ minn taħt l-art mgħawweg bħal ganċ, imma aktar ma jitwal aktar jiddritta. Tard fix-xitwa jiftħu l-fjuri mill-buttun tal-weraq, fuq magħseb twil mingħajr weraq, iżda muswaf.

Il-fjura tal-kaħwiela jkollha bejn ħamsa sa sitt petali, b’diametru ta’ bejn 3 sa 8 ċm. Dawn jistgħu jkunu jew ħomor, bojod jew koħol. Huma jkunu mwieżna fuq it-tliet werqiet modifikati li bihom ikun magħmul il-buttun. Il-kaħwiela togħla minn 15 sa 45 ċm.

F’nofs il-fjura nsibu għenuq irqaq li fit-tarf tagħhom ikollhom il-boroż żgħar bil-għabra tad-dakra, kif ukoll il-partijiet li jkollhom l-ovarji bil-bajd. Dawn ikunu blu metalliku skur, jidhru suwed, li jiġbdu lejhom l-insetti, fosthom naħal, li jdakkru l-fjura. Ta’ spiss wieħed jista’ jara xi ħanfus fil-fjura tal-kaħwiela.

Anemone_Coronaria 3Din hija pjanta li tagħmel iż-żerriegħa li tkun magħluqa ġo frotta b’qoxra ħoxna. Għalhekk din l-ispeċi hija Angiosperma, kelma Griega li tfisser żerriegħa li tkun magħluqa b’għatja. Il-kaħwiela tagħmel numru kbir ta’ żerriegħa li jkollhom troffof ta’ xagħar fin biex jgħinhom jinfirxu u jissiefħu ’l bogħod bir-riħ.

Il-kelma Anemone hija kelma Griega li tfisser maħbuba mar-riħ. Skont in-naturalisti Rumani Pliny u Elder, il-kaħwiela tiftaħ biss meta jkun ir-riħ U forsi għalhekk il-ħajja tal-fjura ma tantx hija waħda twila.

Il-botanista Grieg Dioscorides, jgħid li l-kaħwiela tintuża għall-għanijiet mediċinali. Huwa jikteb li meta l-meraq tal-għeruq tal-kaħwiela jintgħasru fl-imnifsejn, dan inaddaf ir-ras. U meta l-għeruq jintgħomdu jnaddfu il-mogħdijiet tan-nifs mill-maħta.

Jgħid ukoll li meta l-għeruq tal-kaħwiela jitgħarrqu fl-imbid, dan jgħin kontra l-infjammazzjoni u dwejjaq oħra fl-għajnejn. Barra minhekk, jgħid, li l-magħseb tal-weraq u l-weraq jintużaw biex jgħinu n-nisa li jkunu jreddgħu, u anki fit-tnixxija tad-demm tagħhom.

Anki Plinju l-Ikbar jikteb li l-anemone tista’ wkoll tintuza kontra d-deni, imma l-fjura trid tinġabar hekk kif tidher waqt li jitlissen kliem meqjus. Din tinżamm imġeżwra f’ċaruta ħamra u tinżamm fid-dell, biex tkun lesta biex titpoġġa fuq dak li jkollu d-deni. Tant li fl-Ewropa, fiż-żminijiet tan-nofs, kienet titpoġġa kuruna magħmula mill-fjuri tal-kaħwiela madwar l-għonq tal-persuna marida, għax kien maħsub li din tgħin biex tniżżel id-deni.

Anemone_Coronaria 1Fit-twemmin u tradizzjonijiet tal-Griegi tal-qedem, kien maħsub li l-kaħwiela kellha rabta mal-imħabba ta’ Venere ma’ Adonis. Skont il-mitoloġija Griega, Adonis inqatel minn ħanżir selvaġġ waqt li kien għall-kaċċa tiegħu. Meta Venere ratu mixħut fuq ir-ramel f’għadira demm, ferxet ftit għasel ifuħ fuq id-demm tiegħu u minnu kibret il-fjura kaħwiela!

Fil-gżejjer Maltin il-kaħwiela nsibuha tikber kemm fl-għelieqi maħduma, fl-għelieqi mitluqa, u anki qrib il-widien. Mhux daqshekk rari, u nstabet tikber, fost oħrajn, f’Wied id-Dis, il-Għargħur, il-Buskett, il-Wied ta’ Kandja u Wied Qirda. F’Għawdedx tista’ tinstab ukoll fix-Xagħra, Marsalforn u d-Dabrani, kif ukoll Kemmuna.

U t-triq fil-Mosta hija msemmija għal din il-fjura.

 

aebaldacchino@gmail.com

Ara wkoll:

Fjuri indiġeni Maltin 7 – Is-Sempreviva ta’ Għawdex

Fjuri indiġeni Maltin 6 – Għajn is-serduq

Fjuri indiġeni Maltin 5 – It-Tengħud tax-Xagħri

Fjuri indigeni Maltin 4 – It-tengħud tas-siġra

Fjuri indiġeni Maltin 3 – Il-Kappara

Fjuri indiġeni Maltin 2 – Il-Kromb Il-baħar

Fjuri indiġeni Maltin 1 – Il-Ħannewija

 

 

Advertisements

2 Responses to Fjuri indiġeni Maltin 8 – Il-Kaħwiela

  1. B azzopardi says:

    Prosit. Grazzi tal-informazzjoni.

  2. karm pace says:

    kemm int bravu dedikat u laqatni hafna l-Malti tajjeb li ghandek. Maghseb qatt ma kont smajtha. ghatja tista,tghidilha tebqa wkoll? Taf tghidli x’jghidulha dandelion bil-Malti? dak il-ballun zrieragh li jtir mar-rih?

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: