L-immaniġġar tal-ilma… f’Malta


orizzont

It-Tnejn, 29 ta’ Frar, 2016.

“Il-kavallieri u l-Ingliżi kienu serji fl-immaniġġar tal-ilma, iżda meta ġie f’idejna…”

Melvic Żammit jistaqsi lil Alfred E. Baldacchino

Ma naħsebx li hawn xi ħadd f’dan il-pajjiż li għadu ma ntebaħx li din ix-xitwa kważi għaddiet bi ftit li xejn xita. U barra minn hekk, numru ta’ ġranet kienu qishom aktar ġranet ta’ Awissu milli ta’ Jannar u Frar, għalkemm li f’daqqa waħda xi ġranet kesħu sewwa. Bdil ta’ temperaturi bla mistenni u bla imħabbar.

Dawk li jaħdmu l-art, jew inkella li huma midħla fl-agrikultura u fl-ambjent naturali wkoll jafu aktar minn ħaddieħor li din in-nixfa xejn ma sejra twassal għall-awguri sbieħ għal din is-sena li qegħdin fiha. Dwar in-nuqqas ta’ xita u l-effet tagħha fuq iċ-ċiklu tal-ħajja, L-ORIZZONT tkellem ma’ Alfred E. Baldacchino.

M. X’seta’ wassal għal dan?

Naħseb li ftit huma dawk li ma semgħux bil-bdil fil-klima. Dan huwa suġġett li qed iżid fl-importanza ma’ kull ġurnata li tgħaddi. U dan in-nuqqas ta’ xita f’dawn il-ġranet huwa marbut mal-ewwel ftit impatti li qed inħossu minħabba dan il-bdil fil-klima.

Wieħed mill-impatti tal-bdil fil-klima huwa li t-temperatura tisħon aktar u l-istaġuni ma jibqgħux kif nafhuhom aħna. Tant li din is-sena għamlet biss madwar 216 mm xita meta l-medja hija ta’ madwar 500mm fis-sena.

wied il-qlejgħa - 01,12,2011

Kienet tkun dehra komuni fix-xhur xitwin meta Wied il-Qlejgħa kien ifawwar bl-ilma li kien ikun misqi minn ilma ġej minn Wied Liemu.

Minbarra li l-bdil fil-klima jwassal għal temperaturi aktar għoljin, u kultant f’daqqa dawn jitbaxxew u l-ġranet jiksħu, dan ukoll iwassal għal nuqqas ta’ xita.

M. X’effett qed ikun hemm fuq il-ħażna tal-pjan?

Il-ħażna tal-ilma tal-pjan tiżdied skont kemm tagħmel xita. Jekk xita tagħmel ftit allura l-ħażna tal-pjan tiżdied bi ftit. Barra minn hekk wieħed irid iżomm f’moħħu li llum ħafna mill-wesgħat naturali, bħax xagħri minn fejn l-ilma tax-xita jinxtorob u jibqa’ nieżel sal-ilma tal-pjan, illum dan intilef għax inbena, jew bid-djar jew bit-toroq. Hekk l-ilma tax-xita li jaqa’ fuq il-bini u t-toroq ma jasal qatt fl-ilma tal-pjan.

dumped-water

Kien hemm politiku, b’intelliġenża politika Maltija, li kien ħassar il-parti tal-liġi li kienet iġġiegħel lil kull minn jibni dar ġdida iħaffer bir ħalli jkun jista’ jaħżen l-ilma tax-xita. Dan qeda sewwa lill-iżviluppaturi. Hekk l-ilma tax-xita li beda’ jaqa’ fuq il-bjut tad-djar, minflokk jinħażen kien jew jintefa’ fid-drenaġġ (kontra l-liġi), jew inkella fit-toroq. Wara li dan kien jitniġġeż kemm jiflaħ, kien jitmexxa lejn il-widien, li wieħed mill-għanijiet principali tagħhom kien li jisqu lill-ilma tal-pjan.

Barra minn hekk minħabba deċiżjonijiet żbaljati u xejn professjonali, l-ilma tax-xita qiegħed jiġi immaniġġat ħażin u minflok jinħażen, kif kien isir qabel, illum dan l-ilma jiġi xkupat lejn il-baħar bil-għajnuna ta’ miljuni ta’ flus li ntefqu.

Ta’ min wieħed iżid li llum anki l-ilma tal-pjan huwa traskurat u abbużat. Mhux sigriet li hemm min itella’ kemm jiflaħ biex ibiegħu, u mingħajr ebda kontrol. U dan qed iwassal biex l-ilma tal-pjan isir aktar salmastru minħabba li l-ilma jittella’ f’ammonti akbar milli l-ilma tax-xita jasal fil-pjan.

Nafu wkoll li minħabba f’hekk dan l-ilma tal-pjan li xejn mhu mħares, ħlief fuq il-karta, qed jiġi mniġġeż minn nitrati u kimiċi oħra li jintużaw fl-agrikultura. Kollox ma kollox qed neqirdu riżors li ma nistgħux ngħaddu mingħajru.

U biex żgur nuru n-nuqqas ta’ apprezzament tar-riżors skars tal-ilma, naraw fit-toroq li dak li jisejjaħ ‘tisbieħ tal-art’ isir bi pjanti li xejn ma huma adattati għall-pajjiżna u dawn jixorbu ilma kemm jifilħu. Naraw firxa ta’ turf li ma’ sbieħ il-jum jinbexx bl-ilma biex jibqa’ jikber u ma jinxefx. U barra minn hekk jinbexx bil-kimika ma tmurx tikber xi fjura salvaġġa Maltija fuqu. U kulhadd jidher kuntent!

Nafu kif fi żminijiet oħra dan ir-riżors skars naturali kien jinħażen kemm għall-għixien tal-ħlejjaq kif ukoll għall-użu fl-agrikultura. Minkejja li Malta m’għandiex xmajjar u muntanji, il-maniġġar professjonali tal-ftit ilma tax-xita kien jinħażen sewwa u dan kien ta’ għajnuna kbira għall-matul żewġ gwerrer kbar. Qatt ma naqasna l-ilma. L-immanniġar professjonali kien sar mill-Kavallieri ta’ Malta u tkompla mill-Ingliżi meta dawn kienu hawn.

xita tgħarraq l-ibliet

Ir-riżultat ta’ immaniġġar tal-ilma tax-xita li jiġi b’xejn u li qed jintefqu miljunu kbar biex nixkupawh il-baħar. Imma min qed joħroġ b’dawn id-deċiżjonijiet poliltiċi stupidi?

Iżda meta dawn ir-riżorsi ġew f’idejna, xejn ma baqa’ miżmum dan il-livell professjonali ta’ immanniġar, u hemm ħafna mill-ġibjuni u bjar li jew ġew imkissra, jew huma fi stat miskin u ma jistgħux jintużawx.

Hija ta’ dieqa kbira għalija meta naqra kif it-tfal tal-iskola qed jiġu mħeġġa biex isalvaw kull qatra ta’ ilma xita li tagħmel, u dan bil-għajnun  ta’ entità kummerċjali, u mbagħad kull qatra xita li tagħmel, bi flus mill-Ewropa, ħejjejna mina biex dan jintrema l-baħar! Imma kif għidt qabel kulħadd jidher kuntent… ħlief meta jikbru t-tfal tagħna u tfal tat-tfal li selfulna dan il-pajjiż, li għada pit’għada ma jsibux ilma naturali biżżejjed biex jgħixu huma u l-biodiversità ta’ pajjiżna.

M. X’inhu l-effett ta’ dan fuq il-biodiversità?

Il-biodiversità hija l-aktar li ssofri. Wieħed irid iżomm f’moħħu li b’biodiversità nifhmu l-ħlejjaq kollha, kemm tal-art, kif ukoll tal-ilma – ilma ħelu u ilma baħar – u l-mod kif dawn huma minsuġa mal-ambjent fiżiku, bħall-ilma, l-arja, id-dawl tax-xemx u l-art.

Dan il-bdil fil-klima ibiddel dan il-bilanċ dinamiku li jwassal ukoll biex xi ħlejjaq ma jibqgħux isibu l-ambjent adattat tagħhom u minħabba l-bdil mgħaġġel ma jkunux jistgħu jaddattaw għall-bidliet u hekk imutu, barra li jistgħu wkoll jgħibu għal kollox.  

                       ___________________________________

                      “L-ilma tax-xita jiġi skupat lejn il-baħar                                          bl-għajnuna ta’ miljuni ta’ flus”

                      ________________          _______________

Wieħed irid iżomm f’moħħu wkoll li l-bniedem huwa wkoll parti minn din in-nisġa naturali u li, bħall-ħlejjaq l-oħra, ukoll sejjer iħabbat  wiċċu ma’ dawn il-problemi.

2016,02,12 - wied il-qlejgħa niexef

Jgħidu li Frar ifawwar il-bjar. Imma mhux din is-sena 2016. Lanqas mela mqarr parti żgħira ta’ Wied il-Qlejgħa. Dan ir-ritratt meħud nhar il-Ġimgħa 12 ta’ Frar ta’ din is-sena jidher qoxqox. Dan sejjer ikollu impatti negattivi kbar fuq l-ekoloġija, l-ekonomija u anki fuq is-soċjetà.

Wieħed mill-impatti kbar li bdil fil-klima sejjer ikollu huwa fuq l-ilma, kemm dak ħelu kif ukoll ilma baħar. Kif diġà qed inħossu, ix-xita jew tagħmel ftit li xejn, jew tagħmel f’daqqa (kif qed jiġri ngħidu aħna, fl-Ingilterra u partijiet oħra fl-Ewropa).

Dan ma jgħin xejn lill-biodiversità. Hawn Malta l-widien huma xotti qoxqox meta s-soltu f’dan iż-żmien ikunu mimlijin u jfawwru. U f’dan in-nuqqas ta’ ilma l-ħlejjaq isofru ħafna, l-ewwel u l-aktar dawk li jgħixu qrib, jew fl-ilma.

Is-sħana mhux f’waqtha li qed ikollna bħalissa, qed twassal biex xi għasafar diġà qed jippreparaw għall-bejta, ħafna qabel iż-żmien. Anki s-siġar bdew bil-fjuri qabel żmienhom. U jekk jerġa’ jinbidel it-temp u jiksaħ f’daqqa, dawn l-isforzi kollha jintilfu, u ftit hemm possibiltà li jerġgħu jieħdu r-ruħ għal dan l-istaġun.

Niftakar li s-sena l-oħra meta l-bidliet ma kinux daqshekk kbar, kelli xi żerriegħa tal-pjanta selvaġġa Għajn is-Serduq li bdew inibbtu matul Diċembru meta t-temperatura kienet aktar sħuna mis-soltu.

Din hija pjanta annwali, jiġifieri, tinbet miż-żerriegħa, twarrad, iżżerrgħa u tmut. Tiddependi fuq iż-żerriegħa biex ittella’ s-sena ta’ wara. Imma meta t-temp kesaħ f’daqqa wara ftit ġimgħat, dan kien kiesaħ wisq għalihom u l-għarsiet mietu. Meta wasal żmienhom fir-rebbiegħa l-biċċa l-kbira minnhom kienu diġà mietu. U dan wassal biex intilfu numru ta’ dawn il-pjanti, u pjanti oħra bħalhom, li n-numru tagħhom naqas. Fl-ambjent naturali dan jiġri wkoll u fuq skala akbar u n-numru tal-ispeċi jonqos.

M. X’effett għandha din in-nixfa fuqna bħala ċittadini?

Kull ċittadin u kull bniedem li jgħix fuq dawn il-gżejjer sejjer ikollu jerfa’ r-responsabbiltà u l-prezz ta’ din in-nixfa, għada aktar mil-lum. Anqas xita, anqas ilma. Anqas ilma, akbar id-diffikulta lill-biodivrsità. Aktar diffikulta, anqas frott. Anqas frott, akbar il-prezz tal-frott.

Forsi xi ħadd jgħid: “u iva mhux problema għaliex nimportawh.” Jekk ikun hekk, allura aktar flus ħerġin barra l-pajjiż biex inġibu frott li mhux bilfors huwa tajjeb daqs tagħna, għalkemm forsi fil-għajn jidher isbaħ. U meta wieħed iqis li anki pajjiżi oħra qed ikollhom ukoll nuqqas ta’ xita, bħal ngħidu aħna l-Italja, fejn għandhom widien nieqsa mill-ilma, allura sejjer ikollhom anqas frott ukoll. U l-ftit li hemm sejjer ikun aktar għoli. Dan huwa wieħed mill-prezzijiet finanzjarji li ċ-ċittadin sejjer isib ma’ wiċċu. Il-biċċa l-kbira minħabba nuqqas ta’ viżjoni, nuqqas ta’ profesjonalità, u misimmanniġar tal-riżorsi naturali f’pajjiżna. Imma kulħadd jidher kuntent!

Hemm ukoll il-prezz ekoloġiku. Fejn m’hemmx ilma m’hemmx ħajja. U l-biodiversità ukoll sejra ssofri. Ngħidu aħna n-naħal bin-nuqqas ta’ fjuri, kemm slavaġġ kif ukoll fuq l-uċuh tar-raba’, mhux sejrin isibu fejn jirgħu u ma jsibux xi jdakkru. U r-riżultat ta’ dan huwa anqas ħażna tal-għasel u prodotti oħra tan-naħal. U meta wieħed iqis li l-ftit furi li jikbru jiġu mbexxa bil-pestiċidi bla kontrol, imma bil-għan ewlieni ta’ qligħ kummerċjali, allura l-futur ma jistgħax jingħad li huwa sabiħ.

Hemm prezz ieħor ukoll: dak soċjali. Dan huwa prezz li jħossuh l-aktar l-ifqar fost il-fqar. Darba xi ħadd qalli: “u iva, jekk ma tagħmilx xita, u jekk l-ilma tal-pjan mhux biżżejjed jew mhux tajjeb biżżejjed, ma għandniex l-ilma mid-distillaturi.”

Kollu minnu, imma… Dawn id-distillaturi jaħdmu bl-enerġija li tiġi mill-ħruq taż-żejt. U dan jinxtara minn barra.  Meta dan jinħaraq, ikompli jżid fil-ġassijiet li qed ikomplu jżidu t-temperatura. U jekk Alla ħares qatt ikun hemm xi vapur mimli żejt qrib xi distillatur, li jxerred iż-żejt maħżun fuqu minħabba xi problema, allura jista’ jwassal biex id-distillaturi ma jkunux jistgħu jkomplu jaħdmu… Imbagħad?

Imma llum kulħadd jidher kuntent bħall-gallozz li jaħbi rasu fir-ramel u jgħid li kollox huwa sewwa.

M. Tiftakar staġun simili bħalma qed nesperjenzaw?

L-impatt tal-bdil tal-klima fil-passat ma kienx daqstant kbir u ma kienx għadu jinħass sewwa, minbarra l-fatt li dak iż-żmien kien hawn ħafna li kienu jaħsbu li l-bdil fil-klima kienet xi ħaġa ta’ dawk li huma kontra l-kummerċ, kif sfortunatament għad baqa’ minn jaħseb hekk ukoll illum!

Bil-ġirja materjalistika tal-bniedem li llum ma jara xejn ħlief gwadan materjalistiku, din il-bidla għolliet rasha u qed tibda tinħass u sejra tkompli tinħass aktar bil-kbir kull sena fil-pjaneta tagħna.

Naħseb li la jien u lanqas ħadd għadu ma ra staġun daqshekk xott bħal dan. Sfortunatament, bil-laqgħat kollha fuq il-bdil tal-klima li saru f’Pariġi s-sena l-oħra, sejrin inkompli nħallsu l-preżż ta’ deċiżjonijiet żbaljati tal-passat minħabba l-kilba tal-ftit madwar din il-pjaneta tagħna lkoll, għas-spejjeż tas-soċjetà u tal-ambjent.

Tant kien staġun xott din is-sena, li wħud jgħidu li din is-sena ma kellniex xitwa. Dan jurina bla dubju li aħna l-bnedmin aħna parti minn din is-sistema ekoloġika li fuqha l-ħolqien huwa msejjes. M’aħniex, kif jaħsbu xi wħud barra minn din is-sistema. Dak li jigri lill-ħolqien kollu, jiġri lilna wkoll.

Dan jista’ jwassal lill-bniedem, anki fuq din il-gżira, biex forsi jifhem li r-riżorsi naturali mhux la kif tesplojtahom kif ġie ġie.

Dan għaliex jista’ jwassal, kif qegħdin naraw, li jċarrat din in-nisġa ekoloġika, li ladarba tiċċarrat ma tissewwiex f’ħakka t’għajn u kif nixtiequ aħna, u rridu nħallsu prezz qares biex tissewwa din il-ħsara.

Smajt vox pop fuq stazzjon televiżiv lokali fejn xi wħud ġew mistqosija x’jaħsbu fuq il-bdil tal-klima. Oħroġ il-għaġeb uħud qalu li huma issa jgħoddu numru ta’ snin mhux ħażin u għalhekk dak li sejjer jiġri ma tantx jinteresahom għaliex ma jkunux għadhom hawn! Tajba din. U t-tfal li ġabu fid-dinja, u t-tfal tat-tfal? Inħossha dikjarazzjoni ta’ egoiżmu grass bla mistħija.

Id-domanda tal-ilma sejra tikber, u tikber…

Iva, u tikber ħafna aktar, aktar mat-temperatura togħla ma’ kull sena. Ix-xita ma tidherx li sejra tiżdied ħafna aktar milli qed tagħmel.

___________________________________

                     “Din is-sena għamlet biss madwar 216mm xita                        meta l-medja hija ta’ madwar 500mm fis-sena”

    ______________                    ______________

Anżi hemm il-possibiltà li tinżel b’saħħa qawwija li tagħmel aktar ħsara u ġġor magħha kull ma ssib quddiema, l-aktar minħabba raġunijiet li qatt ma tajna każ tagħhom u li jidher li ma rridux nifhmuhom u lanqas naċċettawhom.

Mingħajr dubju hemm bżonn ta’ pjan ta’ azzjoni urġenti, pjan li jwassal mhux biss biex l-ilma li jiġi b’xejn mix-xita ikun jista’ jinħażen għal meta niġu bżonn, u li jkun jista’ jkompli jisqi l-ilma tal-pjan, imma pjan li jirregola l-użu u l-abbuż tiegħu. Pjan fejn it-tfassil ta’ attivitajiet li jiddependu fuq l-ilma jsiru b’mod sostenibbli u mhux bil-għan kummerċjali biss.

Ma nistax ma nsemmix l-ammont ta’ ilma li jinħela biex ibexx l-ammont ta’ ħaxix imsejjaħ turf, li jintuza fit-‘tisbiħ tal-art’, u li qed iħallas għalih il-poplu. Jekk dan l-ilma li jintuża huwiex miġjub mill-ilma tal-pjan, jew mill-ilma tal-vit, jew mill-ġwiebu, xorta huwa ilma li jista’ jintuża fejn hemm ħafna aktar bżonnu, ngħidu aħna fl-agrikultura u naħseb kulħadd jaqbel li din hija priorità.

2011.07.01 - wasting water resources - 3

Waqt li l-widien huma niexfa qoxqox, id-dwawar fit-toroq miksija bil-ħaxix tat-turf, jintbexxu qabel jisbaħ, biex ma jinxef, u forsi biex ma jinduna ħadd. U dan bil-barka tal-Ministru responsabbli għall-‘landcaping’, u mħallas minn flus pubbliċi. Intelliġenża politika stupida oħra!

Jekk verament aħna tal-fehma li ngħallmu t-tfal biex isalvaw kull qatra ta’ ilma f’pajjiżna, allura rridu nibdew bl-eżempju aħna u ma naħlux kull qatra li tiġi f’idejna, u inħaffru ħofra fl-art tiswa il-miljuni ta’ ewro biex dawn il-qtar kollu tax-xita li jiġu b’xejn, narmuhom il-baħar.

tfal u politikanti

Inżommu quddiem għajnejna li fejn ma hemmx ilma mhemmx ħajja. U din il-pjaneta tagħna, id-dar tagħna lkoll, ma għandha bżonn lil ħadd biex isalvaha, għaliex hija tista’, meta trid, issalva lilha nnifisha bil-mod tagħha. Huma aħna bħala l-akbar ħolqien intelligenti li rridu nsalvaw lilna nfusna.

2016,02,12 - in-nixfa tax-xitwa 2016

In-nixfa f’wied fi Frar 2016

Din in-nixfa fl-istaġun tax-xitwa din is-sena hija twissija serja li m’għandiex titħalla tgħaddi mingħajr ma naħsbu fil-fond u fit-tul fuqha. Forsi għad jirnexxilna nifhmu u nieħdu passi urġenti minkejja kollox. U dawk li huma xettiċi ma għandhomx jitħallew jinfluwenzaw deċizjonijiet li l-prezz tagħhom tħallsu s-soċjetà, l-ambjent u anki l-ekonomkija.

PS Ir-ritratti kollha ġew miżjuda fuq dan il-blog wara li l-artiklu deher fil-gazzetta

aebaldacchino@gmail.com

 ARA WKOLL:

https://alfredbaldacchino.wordpress.com/2014/04/28/water-harvesting-culture/

https://alfredbaldacchino.wordpress.com/2013/11/20/aghmel-xita-aghmel-2/

 

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: