Il-ktieb: Fjuri tal-gżejjer Maltin


torca

Fjuri tal-gżejjer Maltin

Il-Ħadd 6 ta’ Diċembru, 2015

Alfred E. Baldacchino

Lanfranco, E., Bonett, G. (2015) Wild flowers of the Maltese Islands. BDL Publishers, Malta. pġ. 208.

Lanfranco huwa isem li mill-ewwel ifakkrek fin-natura. Edwin Lanfranco mbagħad iwasslek qalb il-pjanti: il-flora l-aktar dik indiġena tal-gżejjer Maltin u tal-Mediterran. Mingħajr dubju Edwin huwa l-botanista bl-akbar esperjenza u studji xjentifiċi dwar il-fjuri li jikbru u jżejnu l-ambjent naturali ta’ pajjiżna.

Mill-banda l-oħra Guido Bonett illum huwa fost l-aqwa fotografi tan-natura. Jekk hux għasfur, insett żgħir jew fjura, żgur li Guido, anke bl-esperjeza u l-imħabba tiegħu għall-ħlejjaq li jaqsmu din l-art magħna, għid li ma jistrieħx qabel jirnexxilu ‘jaħtaf’ bil-lenti tal-kamera u jiġbed ritratt wara ritratt biex jaqbdu u jippriserva dak il-mument fil-memorja tal-kamera diġitali tiegħu.

xewk tal-madonna

Xewk tal-Madonna

Ma għandiex xi ngħidu li l-għasfur, l-insett jew il-fjura lanqas biss ikunu jafu x’ġara għaliex ma jiġux mimsusa u jibqgħu għaddejjin bil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. U Guido ferħan bir-ritratt tiegħu li jkun jista’ jaqsam ma’ dawk li jew ma għandhomx il-ħin biex igawdu minn dan il-ġmiel tan-natura, jew inkella mhux midħla ta’ dawn l-għeġubijiet.

suffejra tar-raba'

Suffejra tar-raba’

Kif wieħed jista’ jaħseb, meta mbagħad jiltaqgħu tnejn bħal Edwin u Guido, bil-għan li jippubblikaw ktieb fuq il-fjuri li nsibu f’pajjizna, allura bil-fors wieħed jistenna’ li jogħxa bil-ġmiel u bit-tagħrif miġbur. Għalkemm ftit apprezzat, wieħed jieħu gost jgħid li llum hawn ħafna nies għatxana bil-kbir biex ikunu jafu aktar fuq dawn l-għeġubijiet tan-natura.

wild flowers book

Il-qoxra ta’ quddiem tal-ktieb

Wild Flowers of the Maltese Islands b’208 paġna, ippubblikat mill-BDL Publishers, huwa ktieb ta’ din ix-xorta.

Minn aktar mill-1000 speċi ta’ fjuri li nsibu jikbru waħedhom fl-ambjent naturali ta’ pajjiżna, Edwin u Guido jagħtuna tagħrif fuq ’l fuq minn 300 speċi minnhom bir-ritratti mehmuża ta’ kull fjura. Tagħrif tekniku imma miktub b’mod popolari li anki dawk li ma humiex midħla tas-suġġett jistgħu jifhmu mingħajr xkiel.

Il-ktieb għandu daħla ta’ ħadd ħlief Guido Lanfranco, hu Edwin, u wieħed mill-pijunieri li ħadmu fi żminijiet mhux faċli u b’diffikutajiet kbar. Iżda Guido Lanfranco kien wieħed minn dawk li ħejja t-triq għall-aktar apprezzament u għarfien ta’ dan il-wirt ħaj. Fost il-kummenti li għamel Guido Lanfranco fid-daħla laqatni dak fejn qal li llum l-apprezzament ta’ dan il-wirt qiegħed jikber ħafna minkejja li l-ambjent naturali qiegħed jinqered b’rata perikoluża mgħaġġla.

L-awturi tal-ktieb jibdew billi jgħatu tagħrif dwar l-għamla tal-fjura u t-taqsimiet tagħha. Wara dan jingħata tagħrif ħafif fuq l-ambjent naturali ta’ pajjizna fejn wieħed jista’ jiltaqa’ mal-fjuri Maltin, bħal ngħidu aħna, il-bosk, il-makkja, ix-xagħri, l-istepa, l-irdumijiet, ix-xtut, l-għaram ramel, il-bwar salmastri, il-widien u l-għadajjar fil-blat, kif ukoll ambjenti mittiefsa mill-bniedem. It-tagħrif fuq kull tip ta’ ambjent huwa mgħejjun minn ritratti.

Jingħata tagħrif fuq kif l-ispeċi tal-fjuri kif huma migbura f’familji, f’ordnijiet u f’ġeneri.

għallet is-serduq

Għallet is-serduq

Wara dan it-tagħrif, il-ktieb ikompli b’ħames taqsimiet: taqsimiet ta’ ħames kuluri li kull waħda tiġbor fiha l-fjuri ta’ dak il-lewn, bħal: fjuri bojod, sofor, ħomor u roża, vjola u blu, ħodor u kannella. Dan jagħmilha eħfef biex wieħed ikun jista’ isib mill-ewwel il-fjura li jkun jixtieq isib tagħrif fuqha, jekk ma jkunx jaf x’isimha. U f’dawn it-taqsimiet hemm xita ta’ ritratti tal-fjuri Maltin ta’ kull kulur li jissemmew fil-ktieb.

Fl-aħħar tal-ktieb wieħed jista’ jsib glossarju, lista ta’ kliem xi ftit tekniku li huwa mfisser b’mod ħafif biex il-qarrej jifhem aħjar.

Wara l-glossarju nsibu tliet indiċi tal-ismijiet tal-fjuri kollha li jissemmew fil-ktieb. Indiċi bl-ismijiet xjentifiċi, ieħor bl-ismijiet bil-Malti u ieħor bl-ismijiet bl-Ingliż.

M’għandi l-ebda dubju li dan il-ktieb huwa ta’ siewi kbir għall-dawk kollha li jridu jkunu jafu aktar fuq il-wirt sinjur li n-natura ħejjitilna biex iżżejjen pajjiżna. Wirt fraġli u ħaj li jekk jinqered mhemm l-ebda triq biex jerġa’ jinġab lura. Huwa ktieb tajjeb għall-għalliema biex f’idejhom ikollhom minjiera ta’ tagħrif biex jgħinhom jgħallmu lill-istudenti tagħhom, f’kull livell tal-edukazzjoni, il-ġmiel ta’ pajjiżna u r-responsabbiltà li lkoll għandna biex dan il-wirt inħarsuh u nerġgħu ngħadduh lura bla mittifes lil dawk li selfuhulna.

Bżonjuz ħafna wkoll għall-medja, biex ikollhom f’idejhom l-ismijiet bil-Malti u r-ritratt tal-fjuri li wieħed jista’ jsib fil-gżejjer Maltin.

Dawk li jġemmgħu l-kotba Maltin jew fuq Malta żgur li għandhom isibhulu post fuq l-ixkaffef tal-Melitensia.

Insomma huwa bżonjuż għal kull minn għandu xi interss nazzjonali, l-aktar fuq il-wirt ħaj naturali.

U anki dawk li forsi f’dawn il-ġranet ifittxu xi ktieb biex jgħatu bħala rigal għall-Milied, ma jisgħux jagħmlu aħjar milli jgħatu kopja ta’ dan il-ktieb: rigal xieraq għall-Milied u rigal lill-ambjent natural bit-tixrid ta’ tagħrif dwar il-fjuri Maltin ta’ pajjiżna.

aebaldacchino@gmail.com

 

 

 

Advertisements

One Response to Il-ktieb: Fjuri tal-gżejjer Maltin

  1. Connie Scerri says:

    Grazzi u Prosit,
    Connie

    Date: Tue, 8 Dec 2015 22:30:52 +0000
    To: connscerr@msn.com

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: