IL-QERD IN-NAĦAL… u n-naħal


NewsBook

It-Tnejn, 19 ta’ Ottubru, 2015

Il-Qerd in-naħal

Alfred E. Baldacchino

Dawn il-ġranet rajna numru ta’ għasafar ipassu lejn l-Afrika, uħud anki jinżlu fil-qiegħa. Xi snin ilu ma kienx daqshekk faċli li wieħed seta’ jarahom, u għalhekk kien ta’ sodifassjon tara nies minn kull faxxa tas-soċjetà, siekta tħares, tissaħħar u anki tieħu ritratt, kemm bil-mowbajl kif ukoll b’apparat sofistikat tar-ritratti.

Fost l-għasafar kbar li kellna x-xorti li naraw mill-qrib kien hemm numru ta’ ċikonji bojod. Jistrieħu tefa’ ta’ ġebla ’l bogħod f’għalqa għal ftit taż-żmien qabel ikomplu bil-vjaġġ tagħhom. Rajna wkoll, fost oħrajn, numru ta’ qerd in-naħal kollha kuluri, sbieh, itiru b’mod li jsaħħar. Stajna naraw is-seher u l-mirakli tan-natura iseħħu pass ’l bogħod.

qerd-in-naħal

Kien ta’ sodisfazzjon li wieħed seta’ jara l-frott tal-ħidma sfiqa u fejjieda ta’ matul is-snin, kemm ta’ għaqdiet ambjentali mhux governattivi, numru ta’ individwi, kif ukoll għalliema u anki l-gazzetti u x-xandir.

Ħassejt bħal sajjetta fil-bnazzi meta qrajt u smajt lil xi ħadd jgħid, anki fuq il-mezzi tax-xandir, li ma jieħux gost jara dan l-għasfur għaliex, kif qal, il-qerd in-naħal jagħmel il-ħsara għax jiekol n-naħal. Inħsadt u erġajt pass lura, għax dan il-kumment jikxef il-ħtieġa ta’ bżonn ta’ aktar edukazzjoni, aktar tgħarif, u aktar bżonn biex wieħed jifhem li l-għasafar huma parti mill-ekosistema li twieżen anki lilna l-bnedmin.

qerd-in-na]al-2

dehra f’pajjiżna tal-Qerd in-naħal

Huwa minnu li l-qerd in-naħal jiekol in-naħal kif jixhed ismu wara kollox. Imma minbarra n-naħal dan l-għasfur jiekol inseti oħra bħal ngħidu aħna, fost oħrajn, żnażan, ċikkuġwiebi, u anki bagħal taż-żunżan. Dan l-aħħar smajna u qrajna kemm uħud huma beżgħana minn dan il-bagħal taż-żunżan li qed jersaq aktar qrib lejn l-urban. U dan il-qerd in-naħal jiekolhom biex jgħix u mhux b’kapriċċ jew għal xi gwadan ieħor. U għad hemm minn ma jistax u ma jridx jifhem li anki l-qerd in-naħal għandu l-rwol tiegħu fis-sistema ekoloġika. In-naħal li jiekol ikunu jew dawk xjuħ, jew inkella mhux b’saħħithom, u għalhekk ikun qiegħed inaqqi l-kolonja minn dawk li jkunu aktar ta’ piż għall-kolonja. Waqt li jiekol hu jkun qed jagħmel il-ġid lin-naħal.

Meta smajt dan il-kumment li l-qerd in-naħal jagħmel il-ħsara lil min irabbi n-naħal għax jiekol in-naħal, ftakart f’dawk il-flus kemm pubbliċi u kemm le, li jintefqu biex jinxtara u jitħallsu n-nies biex ibexxu kimika velenuża matul il-mogħdijiet u fil-beraħ biex joqtlu l-flora u l-fawna li tgħix matulhom. U minbarra l-flora u x-xgħat tal-friefet, u fawna oħra li jinqerdu, jinqerdu wkoll in-naħal: iva n-naħal. U mhux in-naħal biss jinqerdu, imma meta n-naħal imċappsin bil-kimika qerrieda jmorru ġol miġbħa tagħhom, mhux biss iċappsu lin-naħal oħra, imma jgħaddu din il-kimika wkoll fl-għasel, kif studju fl-Amerika wera.

naħlla-fuq-fjura

In-naħal huwa parti mill-ekosistema u qed isofru telf kbir minħabba l-bexx kimiku li qiegħed jitbexx għall-raġunijiet kummerċjali.

Imbagħad ikun hemm xi ħadd li jrabbi n-naħal u bla mistħija jgħid li għax il-qerd in-naħal jiekol naħla jew tnejn biex jgħix, dan qed jaghmel il-ħsara! Imma meta bniedem, bil-għerf li għandu jbexx kimika qerrieda biex jeqred il-ħajja li jolqot, għall-qliegħ tal-flus, dan mhux qed jagħmel ħsara, lanqas lin-naħal!

Kulħadd jaf, li dan il-bexx ta’ kimika qerrieda li qed tagħmel ħsara mhux biss lill-ekosistema imma anki lill-bniedem, qed isir għax il-politikanti responsabbli mill-kontrol ta’ dan il-bexx qerriedi, li qed isir u jitħallas bi flus pubbliċi, jew ma għandhom lil ħadd biex jiftħilhom għajnejhom fuq din il-ħsara u din il-ħela ta’ flus pubbliċi, jew inkella mhux interessati li jwaqqfu din il-qerda, għaliex jarawha bħala xi ħaġa kummerċjali li tħalli l-qliegħ lil min jużaha.

U ġib il-għaġeb, kif qalli xi ħadd midħla ta’ dawk li jrabbu n-naħal, li hemm ukoll xi ħadd minnhom li jimportaw il-bexx għall-bejgħ biex jeqred il-ħajja, u jispiċċaw jinqerdu n-naħal ukoll. Imma dan għalihom ma jagħmilx ħsara lin-naħal. Wieħed hawn jista’ jgħid li sakemm in-naħal jinqerdu għall-qligħ tal-flus, allura mhux ħażin u ma ssirx ħsara!

Dan juri biċ-ċar li f’dan il-pajjiż, wieħed irid jieħu, jieħu, u jkompli jieħu mingħajr l-ebda ħsieb jew rieda li jgħati xi ftit lura: xejn. U għax għasfur jieħu naħla biex jiekol u mhux għall-qliegħ jew għall-kummerċ, dan qed jagħmel il-ħsara, u qed jagħmel għar minn dak li jimporta, u jbexx din il-kimika qerrieda li toqtol mhux biss lin-naħal, imma kull ħlejqa li tmiss ma’ dan il-bexx. U hemm il-barka tal-politikanti biex dan il-bexx qerried ikompli jsir, anki jekk jeqred lin-naħal. Imma huwa l-għasfur il-qerd in-naħal li jingħad li qed jagħmel il-ħsara!

bexx-fuq-in-naħal

Dan mhux l-għasfur qerd in-naħal. Imma huwa qerd in-naħal mill-bniedem għal raġunijeit kummerċjali, uħud minnhom imħallsa minn flus pubbliċi. U għall-uħud li jrabbu n-naħal dan mhux xejn ħażin!

 

aebaldacchino@gmail.com

 

Advertisements

8 Responses to IL-QERD IN-NAĦAL… u n-naħal

  1. simon galea says:

    Alfred, artiklu verament tajjeb prosit. Rigward qird in-nahal, bhal kull predatur iehor dan ghand rwol importanti ghax kif ghidt tant tajjeb int, izomm il-populazzjoni b sahhita billi jelimina x-xjuh u l-morda u allura sahansitra inaqqas ic-cans li jinfirex il-mardu allura l-istess populazzjoni jirriproducu minn ezempji sani u mhux morda (survival of the fittest). Hemm bzonn ta kampanja edukattiva inkluz fost il-bdiewa u rahhala.

  2. Michael Angelo Muscat says:

    Ma jidhirlix li hemm xi evidenza xjentifika li qerd in-nahal jiekol nahal marid jew xih. L-ebda nahla marida jew wahda b’sahhitha izda ghajjiena sforz it-taghbija nektar jew pollen li tkun iggorr, jew b’sahhitha hierga mill-bejta sejra tirgha, ma tehles mill-qerd in-nahal. Smajt b’beekeeper li dan il-qerd in-nahal fi qtajja jhuf madwar il-kolonji tieghu jaghmlu herba minn-nahal tieghu waqt
    Ii hergin jew jergghu lura lejn il-kolonja. Ghalxejn jipprova jkeccihom ghax ghalkem ghal mument iwarrbu, jergghu lura hekk kif iwarrab.
    Ghalhekk ma nahsibx li qerd in-nahal qed jaghmel xi gid lejn in-nahla maltija, anzi bil-maqlub qed ikompli jzid ma’ dawk il-fatturi negattivi li qed iwasslu biex il-popolazzjoni tan-nahal f’dawn il-gzejjer tkompli tonqos. Naqbel mieghek izda, li l-aghar ghadu hu il-bexx li nahseb joqtol nahal izjed mill-fatturi l-ohra kollha flimkien. Ta’ min jghid li kieku m’ghandniex ‘beekeepers’ li jafu kif joholqu mill-gdid kolonji godda, kieku in-nahal ilu li nqered minn Malta, primarjament mill-parassit ‘varroa destructor’ u mill-bexx li jsir bla responsabbila’, u bla razan.

    Michael Angelo Muscat

    • Michael,
      Nahseb li taqbel miegħi meta ngħid li predatur qatt ma qered l-ikel tiegħu. Anzi huwa l-ikel li jiddetta l-kwantità u n-numru tal-predatur u mhux bil-maqlub. U dan huwa pprovat xjentifikament. jinqered il-qerd in-naħal u ma jinqerdux in-naħal.

      Michael nahseb li taqbel miegħi ukoll meta ngħid li l-problem li għandhom in-naħal u minn irabbihom huma ferm u ferm akbar mill-erba’ naħliet li jaqbad il-qerd in-naħal. U biex inkunu nafu fuqhiex qed nitkellem sejjer inniżżilhom hawn taħt:

      1. diġà qbilna li l-ħsara li qed jagħmel il-bexx lin-naħal (minbarra lill-ħlejjaq oħra inkluż il-bniedem) hija ferm akbar tant li mhux biss qed jeqred lin-naħal imma anki qed iħalli l-impatt negattiv tiegħu fuq l-għasel li jipproduċi n-naħal. Michael smajt, jew qed tisma’, lil xi għaqda ta’ min irabbi n-naħal fuq dan l-impatt negattiv?
      2. La qed nitkellmu fuq l-għaqdiet tan-naħal, Michael, naħseb li taf li hawn xi tlieta! Għaliex? Forsi hemm xi ħadd li ma jridx jitkellem fuq il-bexx?
      3. Naħseb li smajt ukoll li fuq is-suq hawn għasel importat bit-tikketti li dan huwa għasel Malti. U mhux għasel biss imma anki prodotti oħra tan-naħal, bħall-‘pollen’ u anki propolis.
      4. Taf ukoll li kemm fil-passat kif ukoll issa ddaħħlu rġejjen minn barra, saħansitra minn New Zealand, biex jimmansaw in-naħal Malti! Xi ħadd qatt qal xi kelma fuq dan, minkejja li dawn qed iġibuhom minn irabbi n-naħal stess?
      5. Mhux sigriet li aktar kmieni din is-sena iddaħħlu Malta eluf ta’ kaxxex tan-naħal ta’ Taljan li ngħad li nġabu minn Franza għax fl-Italja hemm marda tan-naħal. U dawn daħlu bil-lejl u ttieħdu dritt Għawdex. Intqal li dawn inġiebu biex irawmu l-irġejjen għall-esportazzjoni. U dawn daħlu bil-barka tad-Dipartiment tal-Agrikultura. Smajna xi ħaġa minn l-għaqdiet ta’ dawk li jrabbu n-naħal?
      6. Anki t-taqsima li darba kien hemm l-agrikultura zzarmat u ma hemm l-ebda direzzjoni, għajnuna jew edukazzjoni lil dawk li jrabbu n-naħal. L-Għammieri sar biss post għall-klieb u qtates u amorini!
      7. Michael, jien u l-avukat Dr Mifsud dorna numru ta’ entitajiet uffiċjali tal-Gvern, bħad-Dipartiment tal-Agrikultura, it-Taqsima tad-Dwana, is-Segretarjat tas-Segretarju Parlamentari tal-Agrikultura, il-MCCAA (Malta Competition and Conusmer Affairs Authority) biex nitkellmu fuq dawn il-problemi għal min irabbi n-naħal u anki fl-interess tal-biodiversità Maltija. It-tweġiba minn kull wieħed minn dawn kienet l-istess MHUX JIEN. Illum din saret it-tweġiba uffiċjali tal-ilmenti tal-poplu f’kull qasam.

      Saħansitra l-MCCAA qalulna li kellhom ikellmu lill-Environmental Health u jerġgħu jkellmuna. Michael, smajtx int minn għand dawn. Daqshekk smajna aħna.

      Meta mbagħad nisma’ lil xi ħadd li jrabbi n-naħal jgħid li l-għasfur qerd in-naħal qed jagħmel il-ħsara lil min irabbi n-naħal dan ifakkarni fl-għasfur ieħor: il-gallozz li jdaħħal rasu taħt ir-ramel biex jgħid li mhu qed jara xejn ħażin.

      Michael, jekk minn irabbi n-naħal huwa maqsum f’aktar minn għaqda waħda u ma tisma’ xejn fuq dawn il-problema għajr li hawn għasfur li qed jiekol in-nahal, naħseb li dawn huma aktar kuntenti li jwaħħlu f’għasfur minflok jgħidu mea culpa, mea maxima culpa. U hekk kulħadd kuntent, ħlief in-naħal… u jien.

      • Michael Angelo Muscat says:

        Ghaziz Alfred, naf li l-interessi taghna huma identici fis-sens li l-ambjent hu genwinment ghal qalbna. Biss, bla ma nidhol f’polemici nixtieq niccara xi punti rigward il-kummenti tieghek.

        Sa fejn naf jien il-fatt li jezistu tlett ghaqdiet ta’ min irabbi n-nahal ma jfissirx li hemm xi konfront bejniethom. Wahda hi biss iffurmata minn xi hames persuni li joperaw donnhom f’koperattiva ghal rashom u ma jfissirx li jirraprezentaw lil beekeepers. Jidhirli li ohra giet iffurmata xi snin ilu ghax il-wahda originali donnha ma kenietx tiffunzjona. Izda issa tidher li l-ghaqda originali bdiet tkun attiva waqt li l-ahhar wahda donnha majnat, Jiena stess membru fiz-zewg ghaqdiet. Dan kollu juri li qatt ma kien hemm xi konflitt bejn il-beekeepers, ( kif forsi jimplika l-kumment tieghek).

        Rigward l-eluf ta’ kaxxi nahal impurtati u mqieghda Ghawdex jien stess ktibt ittra kemm fis-‘Sunday Times’ u fil-Malta Today’ f’dan ir-rigward. Iz-zewg ghaqdiet wkoll oggezzjonaw formalment mal-awtoritajiet. Nixtieq ninfurmak ukoll li kemm jien personalment u kemm l-Ghaqda qed nigbru firem f’petizzjoni biex tintbghat lil-awtoritajiet rigward l-importazzjoni ta’ kolonji tan-nahal li int semmejt. Tieghi fuq l-internet (Avaaz) sabet appogg minn kull naha tad-dinja fi ftit gimghat.

        l-Ghaqda u Beekeeper partikulari ilhom snin jilmentaw mal-awtoritajiet rigward il-bexx li jsir specjalment mal-gnub tat-toroq fil-kampanja taghna. Il-fatt li int ma tisma’ xejn fuq dawn l-attivitajiet ma jfissirxli ma hu jsir xejn minn-naha taghna l-‘beekeepers’. F’dan ir-rigward il-kumment tal-gallozz u l-‘mea maxima culpa’ hu goff u ma jaghmilx sens.

        Rigward l-ghasel impurtat u mibjugh bhala ghasel ta’ Malta l-awtoritajiet hadu passi kontra xi persuni u ttellghu il-qorti. L-awtoritajiet b’hekk qed jaghmlulna pjacir lilna l-beekeepers Maltin biex nibqghu nipprotegu l-ghasel genwin Malti migbur min-nahal taghna ta’ Malta.

        Sa fejn naf jien u dan nista’ nghidu b’esperjenza ta’ izjed minn hamsa u erbghin sena nrabbi u nistudja fuq in-nahal qatt hadd ma gieb irgejjen minn barra biex jimmansa n-nahal ta’ Malta. Kienu jgibu irgejjen mill-Italja ghax kienu jghidu li kolonji ta’ nahal Taljan hu izjed kalm minn taghna izda qatt ma ngiebu biex jibdel il-genetika tan-nahal Malti. L-esperjenza ghallmitni li l-genetika fin-nahal Malti hi dominanti u fi ftit snin kull kolonja ta’ nahal Taljan jekk tithalla timxi naturali, terga’ ssir nahal Malti. Meta fl’1992 kellna l-qerda kbira ta’ tliet kwarti tal-kolonji tan-nahal bil-parassit ‘Varroa destructor’ l-awtoritajiet stess kienu gabu nuclei (kolonji zghar) ta’ nahal minn New Zealand biex itaffu xi ftit mil-qerda ta’ kolonji li kellna. Billi ma kienux adattati ghal-ambjent Malti kull kolonja nqerdet fi zmien sentejn.

        Fuq it-taqsima tal-agrikultura jien ma inhix intis x’inhu jsir. Naf li fil-passat konna nsibu hafna ghajnuna minnha.

        Rigward il-predatur u l-priza jidher li qed tinsa li Qerd-in-nahal hu ghasfur li jpassi u qatt ma hu se jkun xi theddida ghal miljuni ta’ kolonji fil-kontinent Ewropew fejn hu jghix. Izda meta jpassi u jigi Malta hu theddida ghal elfejn u hames mitt kolonja nahal li ghandna hawn Malta. Meta jinqerdu dawn, hu mhux se jinqered ghax mhux residenti hawn. Jekk hawn ma jsibx nahal x’jiekol, ikompli fi triqtu. Mhux se jinqered.

        Issa xi haga li se tiehu gost biha bhalma haddt jien u jidher li se nwaqqa l-argument kollu.

        Tkellimt ma’ Dr David Mifsud (entimologista) li hu habib tieghi u ukoll irabbi n-nahal u staqsejtu xi kemm jahseb li ghasfur wiehed (ie qerd-in-nahal) jiekol nahal f’gurnata wahda. Qalli ‘…mhux xi numru sinifikanti’. Ghalhekk jiena din fihmtha li l-ghasfur qerd in-nahal, mhux xi thedida allarmanti ghan-nahal Malti.

        Michael Angelo Muscat

        (contact :- muscatma@gmail.com)

        • Grazzi ħafna Michael tal-kummenti tiegħek. Qbilna mija fil-mija u fuq kollox. Imma l-aktar ħaġa li ħadt gost biha kienet li t-tnejn li aħna qed naqblu li l-interess tagħna huwa l-ħarsien tal-ekosistema kif ukoll ta’ dawk li jużaw din l-ekosistema b’mod sostenibbli biex ikattru n-naħal u l-għasel. Grazzi ta’ dan. Ma għandi xejn xi nżid ma’ dan, aktar u aktar meta kif għidtli li n-naħal li jaqbad l-għasfur il-qerd in-naħal huwa insinifikanti, u mhux kif wieħed seta’ jifhem bil-mod kif ingħata dan it-tagħrif.

          Kumment żgħir tal-aħħar. Meta kont għadni żgħir kienu qaluli li meta xi ħadd ried jaqta’ ħabel oħxon ma setax. Imma meta dan fetħu fi tlieta ma kellu l-ebda problema. Meta l-għan ikun l-istess ma narax għaliex ikun hemm fragmentazzjoni.

  3. Ivan Mifsud says:

    Minbarra l-bexx, dan l-ahhar qrajt artiklu dwar kemm jaghmel effett hazin fuq in-nahal, l-NOx mill-vetturi b’magna diesel. Malta ma nafx x’inhu l-persentagg ta’ vetturi diesel mill-vetturi kollha, imma zgur li mhux zghir ghaliex id-diesel sar popolari hafna (magni b’sahhithom u ma jahlux):

    http://www.bbc.com/news/24364637

    Iktar problemi ambjentali, u challenges ghan-nahla Maltija, u finalment ghalina l-bnedmin.

    • Grazzi Ivan. U minn dawn kollha nisimgħu biss li l-għasfur il-qerd in-naħal qed jagħmel il-ħsara lin-naħal. U dan nisimgħuh minn wieħed li jrabbi n-naħal. Veru li f’Malta tagħna lkoll kollox possibbli!

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: