Il-Knisja Ortodossa u l-Enċiklika Laudato Si’.


NewsBook

It-Tnejn, 11 ta’ Awwissu, 2015

Il-Knisja Ortodossa u l-Enċiklika Laudato Si’.

 Alfred E. Baldacchino

peter-turkson2

Kardinal Peter K.A. Turkson

L-enċiklika Laudato Si’ tal-Papa Franġisku ġiet imnedija f’konferenza stampa nhar il-Ħamis 18 ta’ Ġunju 2015, u matul din il-konferneza tkellmu numru ta’ awtoritajiet. Rajna fl-ewwel artiklu il-kliem tal-ftuh tal-Kardinal Peter K.A. Turkson.

Warajh tkellem ir-rapreżentant tal-Patriarka Bartholomew ta’ Konstantinopoli li huwa l-kap tal-Knisja Kristjana Ortodossa. Din kienet l-ewwel darba li l-Knisja Ortodossa ħadet parti f’diskusjsoni ta’ dan it-tip ta’ dokument uffiċjali tal-Vatikan.

Ir-rappreżentat tal-Patriarka Bartholomew, il-Metropolita John Zizioulas, jmexxi l-Akademja ta’ Ateni u huwa wieħed mit-teologi l-aktar influwenti illum fil-Knisja Kristjana Ortodossa.

Il-Metropolita Zizioulas fetaħ id-diskors tiegħu billi qal li din hija ġrajja storika fejn il-ħtieġa tal-ħarsien tal-ambjent ġiet mogħtija daqshekk għarfien u miġjuba għall-attenzjoni ta’ daqshekk nies bil-għajnuna ta’ din l-enċiklika.

Enċiklika li wriet il-problema kbira tal-ambjent, kif ukoll id-dover tal-knisja li titkellem fuq hekk u biex tipprova tgħin bil-mezzi spiritwali kollha tagħha ħalli l-ambjent naturali jiġi mħares. Imma mhux biss biex tqajjem kuxjenza ekoloġika akbar, l-aktar qalb il-Kristjani, imma f’wesgħa ferm akbar u hekk turi kemm hi kbira l-problema ekoloġika fil-firxa wesgħa teknoloġika u spiritwali.

Il-Knisja Ortodossa ilha titkellem fuq din il-problema ambjentali, u għalhekk riedet turi l-ħajr u l-ġieh tagħha lill-Papa Franġisku talli tkellem bil-vuċi tal-awtorità tiegħu biex jiġbed il-ħsieb tad-dinja għall-ħtieġa urġenti biex il-ħolqien ta’ Alla jiġi mħarsa. Għalhekk l-enċiklika Laudato Si’ hija mument ta’ ferħ u sodisfazzjoni kbir għall-Knisja Ortodossa.

Il-Metropolita Zizioulas qal li din l-enċiklika ġiet f’mument kritiku tal-istorja tal-umanità u li mingħajr dubju sejra tħalli l-marka wiesgħa tagħha fuq il-kuxjenza tal-bnedmin. Mingħajr dubju din sejra toffri l-opportunità biex kemm ix-xjenzati, l-ekonomisti, is-soċjoloġisti u mingħajr dubju l-fidili tal-Knejje Kattoliċi, ikunu jistgħu jixtarru dan il-messaġġ li ġie imfisser b’daqshekk reqqa u studju.

 

Untitled-1

Il-Metropolita Zizioulas staqsa x’għandha x’taqsam l-ekoloġija mat-teoloġija. Fisser kif il-ħajja tal-bniedem hija magħġuna bi tliet rabtiet ewlenin li huma minsuġa ma’ Alla, mal-ġar tagħna u mad-dinja nnifisa. Kapitlu 2 tal-enċiklika kollu jitkellem fuq ir-rabta tat-tagħlim Kristjan mal-ekoloġija.

Jitfa’ dawl fuq kif din ir-rabta spiss kienet imwarrba mit-tagħlim Kristjan, tant li l-istoriku Amerikan Lyn White fl’1967 jakkuża t-teoloġija Kristjana: dawk Insara, Ortodossi u Protestanti, li għandhom parti kbira tar-responsabbiltà għall-kriżi ekoloġika tal-lum.

Il-bniedem tant huwa minfuh bih innifsu fuq il-ħolqien, li wasal biex jużah għas-sodisfazzjon, il-ħtiega u x-xewqat tiegħu biss. Il-bniedem inqata’ minn man-natura bil-mod kif qiegħed jifhem il-kmand bibbliku li jgħid: oktru u mmultiplilkaw u aħkmu d-dinja (Ġenesis 1:28). B’hekk l-umanità ġiet imħeġġa biex tabbuża l-kreazzjoni mingħajr limitu jew rażan, u mingħajr rispett għall-integrità u l-qdusija tagħha.

Fil-kultura li qed ngħixu llum, l-individwu jingħata importanza u dan wassal biex f’dan iż-żmien il-ġirja għall-ferħ saret l-ideal. Il-kilba tal-bniedem qed tagħmih tant li qed twassal biex il-bniedem iwarrab u ma jridx jaf bil-verità li l-ferħ tal-individwu jiddependi mir-rabta’ tiegħu mal-bnedmin l-oħra.

Fl-1989 il-Knisja Ortodossa bdiet taħdem fuq il-ħtieġa tal-ħarsien tal-ambjent, u qablet li l-ewwel ta’ Settembru ta’ kull sena tkun ġurnata fejn isir talb għall-ambjent u tal-ħolqien. Data li tista’ tmexxina pass ieħor ’l quddiem biex iġġib lill-bnedmin aktar qrib xulxin.

Jenħtieġ talb lill-Alla biex ifejjaq lill-ħajjitna sabiex inkunu nistgħu nħarsu lid-dinja u mhux nużawha bħala priża, biex niżirgħu s-sabiħ u mhux it-tniġġis, biex Alla jmiss il-qlub ta’ dawk li l-għan tagħhom huwa biss il-kilba għall-qligħ u l-poter għas-spejjeż tal-foqra tad-dinja. Talb biex Alla jgħallimna biex nifhmu l-kobor ta’ kull ħaġa u hekk nistgħu nistgħaġbu u nagħrfu li aħna marbutin ma’ kull ħlejqa oħra matul dan il-vjaġġ tagħna lejn l-għan infinit ta’ Alla.

Bil-kilba li l-bniedem għandu biex jikseb il-ferħ bil-materjaliżmu biss, qiegħed jeqred lid-dinja u sejjer iħalli pjaneta mkissra u mingħajr ħjiel ta’ fejqan lill-generazzjonijiet futuri u lill-ħajjithom. Din hija azzjoni kontra t-tfal tagħna u kontra dawk li ġejjin warajhom f’din id-dinja. Dan huwa dnub kontra l-ambjent, dnub ekoloġiku, kemm bħala individwi kif ukoll bħala socjetà. U dan id-dnub mhux biss kontra l-Ħallieq imma anki kontra l-ġar tagħna, kontra l-umanità tal-lum, u anki kontra l-ġenerazzjonijiet ta’ għada.

Il-Metropolita Zizioulas saħaq li ma nisgħux nibqgħu ngħixu ħajja li tkejjel il-ferħ tal-bniedem biż-żieda fil-progress u l-konsum biss. Il-kriżi ekoloġika timxi id f’id maż-żieda tal-inġustizzji soċjali. Hemm bżonn ta’ ħajja b’rabta fil-paċi u fil-ħbiberija bejn id-dinja naturali u l-bniedem li twassalna biex naqsmu għan wieħed.

U hawn ir-rapreżentant tal-Ortodossi jgħid li Laudato Si’ hija sejħa għall-għaqda, b’talba fid-dawl tal-vanġelu tal-ħolqien, biex inbiddlu qlubna u l-istil tal-ħajja tagħna u nirrispetaw u nħobbu lil xulxin u dak kollu li ġie mogħti lilna minn Alla. U  għal din is-sejħa, l-Ortodossi jirrispondu bil-qalb kollha: Ammen.

aebaldacchino@gmail.com

 

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: