Il-bexx kimiku, is-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent – 1


NewsBook

Il-bexx kimiku, is-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent – 1

it-Tn ejn, 11 ta’ Mejju, 2015

 Alfred E. Baldacchino

 Il-ħajja tal-bniedem illum hija maħkuma minn bexx bil-kimika li juntuża f’firxa wiesgħa. Wieħed mill-għanijiet ta’ dan il-bexx huwa biex jeqred ħxejjex u animali li l-bniedem iħoss li ma għandux bżonnhom, jew, li nkella jarahom li qed ifixkluh u jikkompetu miegħu għall-qligħ tal-flus. Waħda mill-kimika l-aktar li tintuża hija l-glyphosate u din ma toqgħodx tagħżel il-pjanti li sejra toqtol imma toqtol dawk li tolqot.

pic 5

Il-kimika glyphosate tinxtorob mill-weraq tal-pjanta u xi ftit mill-għeruq, u twassl biex teqred il-pjanta. Din tintuża fl-agrikultura, fl-ortikultura, fit-tkabbir tad-dwieli, u anki fit-tkabbar tas-siġar, kif ukoll fil-ġonna u anki fid-djar biex teqred dawk il-pjanti li jitqiesu bħala ‘ħżiena’. Tintuża wkoll biex tnixxef l-uċuh tar-raba’ qabel il-waqt biex il-ħsad ikun aħjar u hekk il-qligħ ikun akbar. Barra minn hekk din tintbexx mal-ġnub tat-toroq u fuq il-bankini fl-ibliet u anki f’xi mogħdijiet fil-kampanja.

Il-glyphosate hija l-aktar erbiċida li tintuża madwar id-dinja, minħabba li kif jingħad din mhix tossika u ma għandiex impatti negattivi, u anki minħabba li ma tqumx ħafna flus.

Saħanstira l-kumpaniji kbar, bħal Monsanto, illum jagħmlu wkoll organiżmi ġenetikament modifikati (GMOs) biex meta dawn jitbexxu b’din il-kimika, dawn ma jmutux filwaqt li jinqerdu dawk il-pjanti ‘ħżiena’ li jkunu qed jikkompetu magħhom. 70% tal-qmuħ, 78% tal-qoton u 93% tas-sojja, huma modifikati ġenetikament biex jirreżistu din il-kimika li tintbexx fuqhom biex tħarishom minn insetti u minn pjanti oħra.

Wieħed mill-prodotti li jintuża biex jeqred il-pjanti u li fih din il-kimika glyphosate huwa r-Roundup li jitbexx madwar id-dinja kollha. Dan huwa meqjus, minn min jipproduċih mgħandniex xi ngħidu, bħala li kważi ma għandux impatti negattivi fuq il-bniedem. U din id-dikjarazzjoni ġiet milqugħa mill-Awtorità tal-Ħarsien tal-Ambjent Amerikana. Minħabba f’hekk ftit li xejn saru studji fl-Amerika biex jaraw kif din il-kimika qed taffettwa l-bniedem u l-ekosistema. Dan minbarra li kien hemm xi studji li ffalsifikaw ir-riżultalti biex din il-kimika ma tiħux isem ħażin. Ir-Roundup jista’ jinxtara mingħajr ebda xkiel minn fuq kull xkaffa ta’ kull ħanut tal-ġonna.

Tant ir-Roundup jintuża fl-agrikultura, li numru ta’ pjanti li jikbru fis-selvaġġ mgħadhomx jaqgħu vittma u jiġu meqruda għax dawn issaħħu kontra din il-kimika. ħMinbarra hekk, l-użu u l-impatti negattivi ta’ dan il-prodott qed iqajjem tħassib kbir fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent naturali.

L-Agenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kankru (IARC) tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qalet li l-glyphosate, kimika ewlenija użata fir-Roundup, taraha bħala aktarx li tikkawża l-kankru fil-bniedem. Dan mill-ewwel ġie miċħud minn Monsanto li qalu li ma jafux kif l-IARC waslet f’din il-konkluzjoni.

Minbarra hekk, studji oħra tal-IARC fuq annimali jorbtu l-użu tal-glyphosate ma’ ‘sinjali mekknaniċi’ bħal ħsara fid-DNA fiċ-ċelloli tal-bniedem meta dan ikun mikxuf għal din il-kimika. Ma għandniex xi ngħidi li dan ukoll ġie miċhud bil-qawwa mill-kumpanija li tuża din il-kimika u li kull sena ddaħħal ’l fuq minn $16bn mill-bejgħ ta’ din il-kimika.

Rapporti tal-WHO jikxfu wkoll li din il-kimika nstabet fl-ikel, fl-ilma, u anki fl-arja wara li tkun ġiet imbexxa.

Numru ta’ pajjiżi Ewropej, bħall-Olanda, id-Danimarka u l-Isvejza, jew waqqfu jew ikkontrollaw sewwa l-użu ta’ din il-kimika minħabba l-periklu ta’ impatti negattivi fuq is-saħħa – u mhux il-kankru biss – problemi fil-kliwi, mard seliak, infjammazzjoni tal-kolon u awtiżmu, u saħansitra ulied immankati. Pariġi, Chicago u Vancouver ukoll ħadu passi simili fl-interess tas-soċjetà tagħhom.

Studju li sar fl-Arġentina jorbot l-użu ta’ din il-kimika ma’ impatti negattivi fuq il-kolonji tan-naħal u nsetti oħra. Fi New York għaqda mhux governattiva qed tifittex lill-Agenzija tal-Ħarsien tal-Ambjent talli mhux qed tieħu passi biex twaqqaf il-ħsara li l-glyphosate qed jagħmel lill-popolazzjoni tal-friefet.

Studju ieħor li sar mill-Università Nazzjonali ta’ Córdoba l-Arġentina, wieħed mill-pajjiżi fejn l-aktar li jkabbru sojja ġenetikament modifikata, jispjega kif 30% tal-imwiet fl-inħawi fejn hemm agrikultura intensiva, huma minħabba l-kankru, meta mqabbel ma’ 20% medja tal-pajjiż kollu. U ż-żieda ta’ dawn l-imwiet minħabba l-kankru hija marbuta mad-data ta’ meta beda jintuża l-glyphosate u kimiċi oħra fl-agrikultura.

Statistika mogħtija mis-Soċjetà Amerikana tal-Kankru turi li l-kankru żdied bi 80% mill-bidu tas-snin 70, is-snin meta l-kimika glyphosate tpoġġiet fuq is-suq.

Fl-2013 l-għaqda mhux governattiva Ewropea Friends of the Earth ħallset għall-studju f’laboratorju indipendenti fil-Ġermanja. Dan wera li fl-awrina ta’ nies minn 18-il pajjiż, medja ta’ 44% tal-kampjun, kellhom traċċi tal-glyphosate.

F’Malta, testijiet li saru mill-Friends of the Earth ta’ Malta, sabu li 90% tal-kampjun tal-awrina kien fiha traċċi tal-glyphosate – 9 minn kull 10 persuna studjati.

bexx-fl-ibliet-malta

bexx ta’ kimika fl-urban f’Malta.

Studji xjentifici li dehru fil-Journal of interdisciplinary toxicology juru li l-glyphosate jista’ jkun il-kaġun ewlieni li jwassal għall-obeżità, u għall-awtiżmu, kif ukoll għall-infertilità, għall-mard u sofferenzi oħra bħall-Alzheimer, Parkinson, depressjoni u kankru.

Iż-żieda qawwija fl-użu ta’ din il-kimika bil-bexx fuq il-qmuħ fl-Amerika mxiet pass pass maż-żieda fil-każijiet ta’ dawk li jbgħatu bil-marda tas-seliak. Il-kawża ewlenija ta’ din il-marda tibda’ bl-ikel ta’ proteini gluten miċ-ċereali.

pic-3

Monsanto’s Roundup weedkiller, li fih il-glyphosate. Ritratt: Studioshots/Alamy

Dan l-aħħar, studji oħra f’numru ta’ pajjiżi Ewropej, sabu traċċi tal-glyphosate f’firxa wiesgħa fl-ikel. U dan l-istudju sar fuq dawk li jgħixu fl-ibliet li mingħajr dubju ma kinux milquta bil-bexx ta’ din il-kimika, imma jieklu ikel li b’xi mod kellu x’jaqsam ma’ din il-kimika fit-tkabbir jew produzzjoni tiegħu. 44% tal-kampjun tal-awrina tagħhom kien fih ammont  ta’ din il-kimika.

Stima aktar friska tikxef li wieħed minn kull għoxrin persuna fl-Amerika ta’ Fuq u fl-Ewropa isofru mill-marda tas-seliak. Din il-marda qed tiżdied fl-Amerika u anki fl-Ewropa, fejn 5% tal-popolazzjoni isofru minnha.

L-glyphosate żdied ħafna min-ħabba l-użu f’firxa wiesgħa ta’ tipi ta’ Roundup, anki b’rabta ma’ ħxejjex ġenetikament modifikati. Tant li fl-Ewropa l-glyphosate huwa l-aktar kimika popolari li tintuża biex teqred il-pjanti. Ma jistax wieħed ma jinkwetax meta iqis li fl-2007 fl-Istati Uniti biss, l-ammont ta’ din il-kimika ntuża f’ammonti kbar: medja ta’ 83,000 tunnellata fil-qasam agrikolu; 3,000 tunnellati fil-ġonna tad-djar; u 6,500 tunnellata fl-industria, kummerċ u f’attività governattivi.

Id-darba li jmiss nitkellmu fuq l-użu ta’ din il-kimika f’Malta.

aebaldacchino@gmail.com

alfredbaldacchno.wordpress.com

Advertisements

2 Responses to Il-bexx kimiku, is-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent – 1

  1. gaucivincent says:

    “F’Malta, testijiet li saru mill-Friends of the Earth ta’ Malta, sabu li 90% tal-kampjun tal-awrina kien fiha traċċi tal-glyphosate – 9 minn kull 10 persuna studjati.”.
    Naħseb kull kumment ikun żejjed.

  2. Edward Mallia says:

    Fuq nota personali izda li nahseb li tkun ta’ interess ghall-qarrej izda anki ghall-awtur: Fl-istudju ta’ Friends of the Earth (Europe) kif intqal, 90% tal-kampjuni Maltin kellhom tracci ta’ glyphosate. Nixtieq inzid zewg fatti: l-ewwel li fost il-kampjuni kollha wiehed mill-Latvia kellu l-oghla kontenut ta’ glyphosate; it-tieni l-oghla instab f’kampjun Malti, il kampjun tieghi li noqod H’Attard fejn l-iskola. FoE malta ser jiktbu lill-Kunsill Lokali ta’ H’Attard biex jistaqsu fuq l-uzu tal-glyphosate f’dan ir-rahal.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: