Fjuri indiġeni Maltin 6 – Għajn is-serduq


NewsBook

It-Tnejn 13 ta’ April, 2015

Għajn is-serduq

Alfred E. Baldacchino

Waħda mill-fjuri indiġeni tal-gżejjer Maltijn hija għajn is-serduq. Din il-fjura tagħmel parti mill-familja Ranunculaceae.

Għajn is-serduq ma tinstabx tikber biss fil-gżejjer Maltin, imma tikber ukoll fin-nofsinhar tal-Ewropa madwar il-Mediterran, kif ukoll fl-Afrika ta’ Fuq u anki fil-gżejjer Azores, Madejra u Kanarji.

Għajn is-serduq tikber fi rqajja ta’ ħamrija viċin l-għelieqi, u anki xi kultant tinstab fix-xagħri. Hija twarrad bejn Jannar u Mejju.

Din il-fjura indiġena hija pjanta li tmut għalkollox fi tmiem l-istaġun wara li tkun għamlet il-fjur u żerrgħet. Fil-ħarifa terġa tikber miż-żerriegħa li tkun għamlet fir-rebbiegħa.

Il-pjanta tikber fuq magħseb dritt li jkollu bħal raddi dritti matulu u li jista’ jogħla sa 45 ċm, għalkemm pjanti żgħar ikunu fihom biss 4 ċm.

Il-weraq fin ta’ lewn aħdar sabiħ, ikunu maqtugħa qishom f’4 jew 5 swaba’ dritti u ġejjin għall-ponta. Kull saba’ ikun 1 mm wiesa’. Il-weraq li jikbru fuq in-naħa t’isfel tal-pjanta jkollhom għonq żgħir li jaqbad mal-magħseb, filwaqt li dawk tan-naħa ta’ fuq ma jkollhomx dan l-għonq.

ghajn is-serduq 3

Il-fjura ta’ għajn is-serduq. Jidher ukoll buttun u anki l-weraq fini aħdar sabiħ.

Il-fjura ta’ għajn is-serduq ikollha kemm-il parti raġel kif ukoll il-parti mara. Hija tikber waħeda dritta fit-tarf tal-fergħa fuq għonq żgħir. Il-buttun ikun imħares minn kalċi (calyx) li ta’ spiss ikun maqsum f’ħames għatjiet (sepals). Dawn ikunu ta’ lewn kannella ħamrani. Il-fjura li tiftaħ mill-blanzun, ikun fiha bejn 10 sa 20 mm fil-fetħa tagħha, u jkollha bejn 5 sa 8 petali ta’ lewn aħmar dagħmi. Dawn il-petali jkunu darba u nofs itwal milli wiesgħa, bl-aktar parti wiesgħa ’l fuq minn nofs il-petala, u b’dabra sewda fejn il-petali jingħaqdu ma’ xulxin.

Meta l-fjura tiddakkar, jiġifieri l-għabra tad-dakra mill-parti tal-fjura raġel tasal għand il-parti mara tal-fjura, jingħata bidu għaż-żerriegħa. Iż-żerriegħa tkun ta’ lewn ħadrani li jiskura, miġbura f’forma ta’ għanqud fuq għonq twil bejn 3 sa 4 mm.

ghajn is-serduq żerriegha

L-għanqud taż-żerriegħa ta’ għajn is-serduq fuq għonq qasir.

Għajn is-serduq, flimkien ma’ fjuri slavaġġ oħra, ngħidu aħna bħan-narċis, kienet tinqata’ bil-bosta biex tinbiegħ matul it-toroq qrib il-kampanja. Minħabba li għajn is-serduq hija pjanta li tmut wara li twarrad u żerrgħa, il-fjuri li kienu jinqatghu ma kinux jitħallew jagħmlu u jxerrdu ż-żerriegħa biex minnhom jwelldu pjanti oħra fil-ħarifa ta’ wara. Dan wassal biex għajn is-serduq illum hija rari ħafna. Tant li llum hija mħarsa bil-liġi u ma tistax tinqata’ jew issirilha xi ħsara. Minkejja dan qed isir aktar rari minn sena għall-oħra, minħabba l-qerda tal-ambjent fejn tikber.

Minbarra dan, il-bdil mgħaġġel fil-klima mhu qed jgħin xejn lill-pjanti indiġeni Maltin. Fil-ħarifa tas-sena l-oħra (2014), nibbtu ż-żerriegħa ta’ għajn is-serduq fil-qsari li għandi. Imma wara li dawn kienu madwar 4 ċm tul, it-temperatura kesħet u għamel is-silġ, tant li dawn il-pjanti kollha mietu. U hekk ma rnexxilhomx jikbru, iwarrdu u jżerrgħu biex jgħatu ħajja għall-pjanti ġodda oħra s-sena ta’ wara. Dan qed ikompli jwassl biex din il-pjanta, bħal ħafna oħrajn, qed isiru aktar rari.

Dan biex ma nsemmux ukoll il-bexx bla kontrol li jsir, imħallas minn flus pubbliċi biex joqtol il-pjanti li jikbru fis-selvaġġ fl-ibliet u rħula Maltin.

B’dieqa ngħid li mhemmx biżżejjed għarfien u apprezzament, la mill-pubbliku inġenreali, u lanqas mill-awtoritajiet uffiċjali biex il-pjanti indiġeni Maltin ikunu mħarsa, mhux biss fuq il-karta, imma jkunu immaniġġati b’mod professjonali fl-ambjent naturali, kif pajjiżna huwa obbligat li jagħmel. U wisq nibża li għajn is-serduq tista’ tkun waħda mill-ewwel fjuri indiġeni Maltin li nibdew insibuha biss fil-kotba.

Isem Malti: Għajn is-serduq

Isem xjentifiku: Adonis microcarpa  

Isem Ingliż:  Small-fruit Pheasant’s-eye,  jew, Red Chamomile

magħseb – zokk ta’ pjanta, jew zokk prinċipali ta’ werqa.

buttun – kalċi (calyx) tal-fjura maqsum f’għatjiet (sepals) biex iħarsu l-blanzun.

radda (pl. raddi) – tinqiex bħal ma jħalli warajh il-moħriet (groove, furrow of a plough).

dagħmi – skur

aebaldacchino@gmail.com

ara wkoll:

Fjuri indigeni Maltin 5 – It-Tengħud tax-Xagħri http://wp.me/pL6Mk-N4

Fjuri indigeni Maltin 4 – It-Tengħud tas-siġra http://wp.me/pL6Mk-Mp

Fjuri indigeni Maltin 3 –Il-Kappar http://wp.me/pL6Mk-Kp

Fjuri indigeni Maltin 2 – Kromb il-Baħar http://wp.me/pL6Mk-Jw

Fjuri indigeni Maltin 1 – Il-Ħannewija http://wp.me/pL6Mk-ua

Discovering wild flowers at Dingli http://wp.me/pL6Mk-uB

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: