It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 4


NewsBook

L-Erbgħa, 31 ta’ Diċembru, 2014

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 4

Alfred E. Baldacchino

Żvilupp sostenibbli

Il-Q.T. il-Papa Ġwann Pawlu II fisser li l-iżvilupp sostenibbli huwa meħtieġ għad-dinjità tal-bniedem, u għalhekk hija responsabbiltà tqila li wieħed jaħkem fuq il-kreazzjoni b’dan il-mod li jkun veru qiegħed jaqdi l-ġenerazzjonijiet ta’ għada. L-użu tar-riżorsi tan-natura jridu jsiru skont prinċipji u bi ħsieb meqjus mhux biss għall-ħtieġa tal-bniedem tal-lum, imma anki għall-ġenerazzjonijiet ta’ għada. B’dan il-mod, ir-responsabbiltà tal-bniedem fl-ippjanar u l-immaniġġar tar-riżorsi, ma għandhomx ikunu mfassla la fuq żmien qasir, u lanqas fuq qliegħ personali, imma l-bniedem għandu jżomm quddiem għajnejh li l-ħolqien qiegħed hemm għall-ġid tal-umanità kollha.

Il-Q.T. il-Papa Ġwann Pawlu II bit-tagħlim tiegħu saħaq dwar ir-rwol u r-responsabbiltà tal-bniedem għall-ambjent. Dan jinstab fid-diskors magħruf tiegħu tal-1 ta’ Jannar tal-1990, fl-okkażżjoni tal-Jum Dinjija tal-Paċi. Il-Papa saħaq li l-pajjiżi flimkien għandhom iwettqu dak miftiehem fuq linji internazzjonali u li jagħmlu jew jgħinu b’mod eħfef il-bdil meħtieg fil-qasam soċjo-ekonomiku fis-soċjetajiet tagħhom.

Fid-diskors ewlieni tiegħu fuq dan is-suġġett, biex aktar iħeġġeg l-għaqda u l-qbil, il-Q.T. il-Papa tkellem fuq ir-rispett lejn in-natura, l-eġoiżmu kollettiv, in-nuqqas ta’ ħsieb lejn ħaddieħor, id-diżonestà, il-kriżi ekoloġika li tikxef il-faqar tal-karattru morali u l-valuri ta’ etika tal-bniedem, it-tbagħbis fl-ekosistema, il-qerda bla rażan tal-annimali u tal-pjanti, u l-esploitazzjoni bla kontroll tar-riżorsi naturali, filwaqt li saħaq il-ħtieġa ta’ progress meqjus, ekonomiku, industrijali u xjentifiku. Ma niddejjaq xejn ngħid li dawn l-impatti negattivi illum mhux biss ma humiex miġġielda, imma huma użati fuq livell politiku biex wieħed isaħħaħ il-ħakma tal-poter tiegħu.

7.-Gwanni-Pawlu-II---stil-ta'-ħajja

Il-Q.T. il-Papa Ġwann Pawlu II għafas fuq il-fatt illi l-paċi fid-dinja hija mhedda mhux biss bil-ġirja għall-armi qerrieda, bil-ġlied reġjonali, bl-inġustizzi li ma jaqtgħu xejn bejn il-ġnus u n-nazzjonijiet, imma anki bin-nuqqas ta’ rispett lejn in-natura, bil-ħtif u s-serq tar-riżorsi naturali, u bit-telfin dejjem jiżdied tal-kwalità tal-ħajja. Dan l-istil ta’ ħajja jostor sens ta’ dgħufija u joħloq dubji fuq il-kapaċità tal-individwu, u “huwa l-ġuf ta’ eġoiżmu kollettiv, nuqqas ta’ stima għal oħrajn u diżonestà”.

Barra minhekk, numru ta’ forzi li jħajjru u jwasslu għall-kriżi ekoloġika, jikxfu l-karattru morali. Illum nafu, bi prezz qares, illi “ma nistgħux imbagħbsu parti mill-ekosistema mingħajr ma ngħatu każ kemm tal-impatti negattivi ta’ dan it-tbagħbis f’oqsma oħra, kif ukoll anki fuq is-saħħa u s-sliem tal-ġenerazzjonijiet ta’ għada.”

Ħarsa ħafifa madwar id-dinja turina r-riżultat ta’ din il-mentalità fejn wieħed iħossu kburi li jiftaħar fuq in-nuqqas ta’ moralità. Teħid ta’ ħajja għall-gost, qtil fil-ġuf, u anki ta’ dawk li jitqiesu bħala li huma piż żejjed għas-soċjetà, ix-xewqa tat-tneħħija tal-ħajja mgħejjuna mil-liġi. Insomma għall-materjaliżmu ma hemm xejn ħażin u xi jwaqqfu. Ma jkux wisq ’l bogħod mill-verità meta wieħed jgħid li l-ħażin sar tajjeb u t-tajjeb sar xkiel li jwaqqaf il-progress u għalhekk għandu jitwarrab. Il-ħajja saret għodda li tintuża biex wieħed jaħtaf u jisker fir-rgħiba.

Fl-artiklu li jmiss inkomplu nibnu fuq l-ewwel, it-tieni, it-tielet, u dan l-artiklu, u naraw xi jgħidu r-reliġjużi fuq din il-problema morali.

ara wkoll:

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 1   http://wp.me/pL6Mk-NP

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 2   http://wp.me/pL6Mk-NX

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 3     http://wp.me/pL6Mk-Of

aebaldacchino@gmail.com

Advertisements

2 Responses to It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 4

  1. gaucivincent says:

    Jiena nqis li kien biss f’dawn l-aħħar għoxrin sena li l-Knisja tefhet ħarsitha fuq l-Ambjent u bdiet tgħallem dwar l-ekosistema u l-iżvilupp sostenibbli. Qabel, id-diska kienet aktar li l-Ambjent hu għad-dispożizzjoni tal-bniedem. Kif jgħid l-ingliż “better late than never”.

    • Kollu minnu Vince li qed tgħid. Imma f’dawn l-aħħar snin il-Knisja mhux biss fehmet il-kriżi ambjentali, imma, kif jidher fl-artikli li jmiss, rabtet din il-kriżi ma’ problema morali tal-bniedem. Meta wieħed iqis in-naħa spiritwali, huwa faċli li jara r-riżultati koroħ li hemm lesti għalina bin-nuqqas ta’ immaniġġar ta’ din id-dinja tagħna u l-ġirja għall-materjaliżmu. Il-gvernijiet madwar id-dinja li ilhom jiddiskutu l-ħtieġa tal-ħarsien tal-ambjent, kollha jsibuha diffiċli biex jieħdu passi meħtieġa, għaliex kollha huma mxekkla bil-ħtif materjalistiku, nieqes minn kull ħsieb spiritwali.
      Wieħed jistenna bil-ħerqa l-enċiklika dwar l-ambjent li qed iħejji l-Papa Franġisku.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: