It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 1


NewsBook

It-Tnejn, 24 ta’ Novembru 2014

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 1

Alfred E. Baldacchino

Daħla

Fl-isem tal-Missier, il-bniedem wettaq numru ta’ oxxenitajiet, kemm fil-qasam politiku, f’dak reliġjuż, kif ukoll fil-qasam tal-biodiversità, minkejja li din hija sistema ekoloġika li twieżnu. Dawn imorru kontra t-tagħlim tar-reliġjonijiet qodma daqs il-bniedem innifsu, li kollha jgħallmu li l-bniedem ma jistax jgħix mingħajr ma jkun imwieżen minn din l-ekosistema.

F’dawn l-artikli sejrin nagħtu ħarsa lejn x’jgħidu l-kitbiet ta’ reliġjonijiet ewlenin – l-aktar dawk li jemmnu f’Alla wieħed – kif ukoll xi tagħlim li jagħtu l-mexxejja jew studjużi ta’ dawn ir-reliġjonijiet. Dan biex wieħed ikun jaf aħjar li l-ħsieb wara t-tagħlim ta’ dawn ir-reliġjonijiet jaqblu sewwa ma’ xulxin u li l-għan ewlieni tagħhom huwa biex il-bniedem ikun jista’ jgħix f’armonija mal-ħolqien, kemm biex juri l-kobor u r-responsabbiltà tiegħu li ngħatatlu biex imexxi, kemm biex ikun jista’ jgħaddi din id-dinja bla mittiefsa lill-dawk li silfuhielu, kif ukoll biex jitbiegħed milli jeqred lilu n-nifsu, kif ukoll biex jimxi id f’id mal-Ħallieq u jgawdi u japprezza dan il-ġnien li tpoġġa fih.

Minħabba l-mod kif l-istorja tal-kreazzjoni miktuba fil-Ġenesi ġiet mgħallma b’mod xejn xjentifiku, huma ħafna dawk il-Kristjani li jaħsbu li l-bniedem huwa għola mill-annimali l-oħra kollha u anki minn natura. Mhux talli hekk, talli jaħsbu wkoll li l-bniedem ma għandu x’jaqsam xejn ma’ din is-sistema tal-ħolqien li twieżen kull ħajja fuq din id-dinja waħda tagħna.

Iżda, ir-reliġjonijiet kollha jgħallmu li l-bniedem għandu r-responsabbiltà biex jindokrra in-natura. Il-Kristjani għandhom obbligu biex iħarsu n-natura, bħala amministraturi tal-Ħallieq: “dak li jiġri lill-ulied il-bniedem u l-bhejjem, huwa l-istess, bħal kif wieħed imut hekk ukoll jiġri lill-ieħor… il-bniedem ma għandu l-ebda vantaġġ fuq il-bhejjem…” (Ecclesiasticus 3:19). Imma t-tagħlim differenti li ngħata matul is-snin kważi dejjem kien biex jaqdi l-bniedem fil-ġirja ta’ rgħiba tiegħu għall-materjaliżmu, aktar milli biex iwassluh eqreb lejn l-Alla li ħalqu.

Jekk wieħed iqalleb u jifli l-kitba tal-kotba reliġjużi – l-aktar ta’ dawk li jemmnu f’Alla wieħed – kemm jekk dawn huma Kristjani, Iżlamiċi, Ġudaisti, Buddisti, jew Hinduisti, wieħed isib li dawn il-kitbiet jgħallmu l-istess dwar l-ambjent (illum insejħulu biodiversità).

Ngħidu aħna, jekk naqraw il-Bibbja, insibu li wara li Alla ħalaq il-bniedem, ra li dak li għamel kien kollu tajjeb ħafna. U qal Alla: ̋Ħa nagħmlu l-bniedem fuq is-sura u x-xbieha tagħna, u jaħkmu fuq il-ħut tal-baħar u fuq it-tajr tal-ajru, fuq il-bhejjem tad-dar u fuq il-bhejjem selvaġġi, u fuq il-ħlejjaq li jitkaxkru fuq l-art” (Ġenesi 1:26).

U Alla poġġa lill-bniedem fil-Ġenna tal-Art u qallu, biex jindukraha u jħarisha. U berikhom Alla u qalilhom: ̋Nisslu u oktru, u imlew l-art, u aħkmuha; u saltnu fuq il-ħut tal-baħar u t-tajr tal-ajru u l-ħlejjaq kollha li jitkaxkru fuq l-art (Ġenesi 1:28).

genesi-1-28

Id-dinja tal-punent, li għandha l-għeruq tagħha msejjsa fuq it-twemmin Kristjan, mhux biss interpretat ‘aħkmuha’ u ‘saltnu’ ad litteram, imma wettqet dan, u għadha twettaq dan ad nauseam.

Niftakarni naqra u nisma’ tagħlim li l-bniedem huwa ewlieni u mhux parti mill-ekosistema li Alla ħalaq, għax din ħalaqha biex taqdi l-bniedem biex jużaha kif jixtieq!

Imma bil-għajnuna t’Alla, wara qawmien spitirtwali, dan it-tagħlim ġie mwarrab, għalkemm għad hawn minn għadu jemmen hekk. Il-Bibbja u kitbiet oħra sagri kollha jgħinuna biex nifhmu sewwa t-tagħlim tagħhom dwar l-ambjent, kif sejrin naraw minn dawn it-titwiliet meħudin minn reliġjonijiet differenti.

Fl-artiklu li jmiss nagħtu ħarsa lejn il-bilanċ delikat u xi jgħidu r-reliġjonijiet fuq dan.

aebaldacchino@gmail.com

Advertisements

One Response to It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 1

  1. gaucivincent says:

    Għad hawn nies prominenti li jsostnu li l-biodiversita’ hi għall-użu tal-bniedem, forsi għax hekk jaqblilhom.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: