Fjuri indiġeni Maltin 5 – It-Tengħud tax-Xagħri


NewsBook

It-Tengħud tax-Xagħri

It-Tnejn, 20 ta’ Ottubru, 2014

Alfred E. Baldacchino

F’artiklu ieħor fuq dan il-blog dwar il-fjuri li jikbru fis-selvaġġ fil-gżejjer Maltin, tkellimna dwar it-tengħud tas-siġra. Rajna li minn din il-familja nsibu madwar 17-il speċi li jikbru fis-selvaġġ fil-gżejjer Maltin.

Speċi oħra minn din il-familja li nsibu tikber fil-kampanja Maltija hija t-tengħud tax-xagħri – dak l-ambjent li ħafna jaħsbu li huwa blat għeri, u jistagħġbu meta jisimgħu li x-xagħri huwa fost l-aktar ambjent naturali sinjur li għandna fil-gżejjer Maltin.

tengħud tax-xagħri 1

Tengħud tax-xagħri miksija bil-fjuri sofor

Kien il-botanista Taljan Filippo Parlatore li kien l-ewwel wieħed li fl-1846 iddeskriviha u dan wassal biex tingħata isem ta’ melitensis, għaliex tikber biss fil-gżejjer Maltin. Għalhekk ngħidulha endemika għall-pajjiżna għax ma tikber imkien aktar fid-dinja. Jekk din tinqered mill-gżejjer Maltin tkun inqerdet għalkollox mid-dinja, u hawnhekk wieħed għandu jifhem ir-responsabbiltà li għandna biex dan ma nħalluhx isir.

It-tengħud tax-xagħri tikber imħaddna mal-art mgeddsa f’għamla tonda, għalkemm tinstab f’għamliet oħra wkoll. Barra minhekk uħud minn dawn il-pjanti jistgħu jkollhom iz-zkuk inniggżu, filwaqt li oħrajn ma jkunux daqshekk iniggżu. Uħud ikunu baxxi mal-art u jogħlew biss minn 30 sa 50 ċm, filwaqat li oħrajn jistgħu jogħlew anki sa 2 metri. Dan seta’ wassal lil xi wħud biex jaħsbu li dawn kienu żewġ pjanti differenti, imma  l-istudju xjentifiku li sar wera li din hija karatteristika ta’ din il-pjanta.

It-tengħud tas-siġra għandha weraq żgħar f’għamla ta’ lanza, lixxi ma’ tulhom, ta’ lewn aħdar sabiħ u twal bejn 5 sa 15-il mm.  Filwaqt li din il-pjanta jkollha numru ta’ zkuk magħmulha mill-injam, il-weraq ġodda jkunu aktar rotob u torja.

ritratt-1-tenghud-tax-xaghri

Dehera aktar mill-viċin tal-fjuri tat-tengħud tax-xagħri

Wieħed jista’ jiltaqa’ mat-tengħud tax-xagħri bil-fjuri bejn Novembru sa Lulju, imma l-aktar f’Marzu. Il-fjuri jkunu jew fjuri rġiel, li jkollhom l-għabra tad-dakkra,  jew fjuri nisa li jkollhom l-ovarju fejn tingħaqad iż-żerriegħa. Kemm-il fjuri rġiel kif ukoll dawk nisa jikbru fuq l-istess pjanta u jkunu f’għamla ta’ tażża safra. Meta dawn jiddakkru permezz tal-insetti, tifforma frotta żgħira li jkun fiha tlett żerriegħat lixxi u kannella kull waħda b’diametru ta’ bejn 2 sa 3 mm.

Bħat-tengħud l-ieħor, anki t-tengħud tax-xagħri għandha likwidu abjad qisu ħalib, li joħroġ minnha meta tinkiser jew tinqata’ xi biċċa minnha. Dan huwa velenuż u jħares lill-pjanta mir-ragħa tal-annimali bħall-mogħoż, in-nagħaġ u l-fniek.

It-tengħud tax-xagħri tikber f’ambjent bil-blat u tinstab fl-irdumijiet tal-kosta fuq il-baħar fil-lbiċ tal-gżejjer,  f’Wied Babu, San Pawl il-Baħar, il-Marfa, il-Mellieħa, Ħad-Dingli, fl-inħawi ta’ Selmun, u Għawdex fl-inħawi ta’ Wied ir-Riħan u Binġemma, in-Nadur, ix-Xagħra, l-Imġarr, ta’ Ħarrax, id-Dabrani u anki fuq Kemmuna.

Ix-xagħri fejn tikber it-tengħud tax-xagħri huwa meqjus bħala ambjent ta’ importanza fl-Unjoni Ewropea. Għalhekk dan l-ambjent naturali huwa mħares kemm fuq livell nazzjonali, kif ukoll fuq livell reġjonali. Xi nħawi llum huma dikjarati bħala Żoni Speċjali ta’ Konservazzjoni u jagħmlu parti minn Natura 2000 tal-Unjoni Ewropea.

Din il-pjanta jixirqilha aktar apprezzament. U bħall-pjanti l-oħra indiġeni Maltin tista’ wkoll issebbaħ anki l-ambjent urban ta’ pajjiżna. Imma biex tagħmel dan irid ikun hemm għarfien tas-sbuħija tagħha. Wieħed ma jistax juża u japprezza l-pjanti Maltin jekk ma jkunx jaf bihom.

Isem Malti: Tengħud tax-xagħri
Isem xjentifiku: Euphorbia melitensis
Isem Ingliż: Maltese Spurge

ara wkoll:

Fjuri slavaġġ Maltin 4 –It-tengħud tas-siġra http://wp.me/pL6Mk-Mp

Fjuri slavaġġ Maltin 3 –Il-Kappar http://wp.me/pL6Mk-Kp

Fjuri slavaġġ Maltin 2 – Kromb il-Baħar http://wp.me/pL6Mk-Jw

Fjuri slavaġġ Maltin 1 – Il-Ħannewija http://wp.me/pL6Mk-ua

Discovering wild flowers at Dingli http://wp.me/pL6Mk-uB

aebaldacchino@gmail.com

Advertisements

One Response to Fjuri indiġeni Maltin 5 – It-Tengħud tax-Xagħri

  1. Dr Brian Farrugia says:

    I just planted one of these you donated in the garden,

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: