Fjuri indiġeni Maltin 4 – It-tengħud tas-siġra


NewsBook

Il-Ħamis, 26 ta’ Settembru, 2014

It-tengħud tas-siġra

Alfred E. Baldacchino

It-tengħud tas-siġra hija pjanta indiġena għall-gżejjer Maltin, jiġifieri sa minn dejjem kieni tikber f’dawn il-gżejjer. Hija pjanta Maltija, li tikber fis-selvaġġ mal-ġnub tal-widien, fix-xagħri, u tikber ukoll f’postijiet diffiċli biex tintlaħaq, l-aktar fi nħawi qrib il-baħar. Fil-gżejjer Maltin wieħed jista’ jara minn dawn it-tengħud tas-siġra, fost oħrajn, f’Wied il-Għasel, il-Ġnejna, Binġemma, Wied Filep, il-Buskett, Ħad-Dingli, u f’Għawdex ix-Xlendi, l-Imġarr, Ta’ Ċenċ, il-Qala, in-Nadur, San Blas, u anki Kemmuni.

2-Tengħud-tas-siġra

L-ambjent naturali fejn l-aktar li tikber it-tengħud tas-siġra.

Din tagħmel parti minn familja kbira ta’ pjanti li jwarrdu – l-Euphorbiaceae – familja li tħaddan fiha madwar 2000 speċi differenti ta’ pjanti. Fil-gżejjer Maltin insubu madwar 17-il speċi ta’ tengħud li jikbru fis-selvaġġ, fosthom it-tengħud tar-ramel, it-tengħud tax-xatt u dik tax-xagħri li hija endemika, jiġifieri tinstab tikber fil-gżejjer Maltin biss.

Minbarra f’Malta, it-tengħud tas-siġra  hija mifruxa sewwa madwar il-Mediterran: mill-Iberja sal-Eġittu. Waħda mill-ispeċi mhux Maltija li nsibu f’din il-familja kbira, hija l-Ponsietta, li tinbiegħ bil-kbir fil-ġranet tal-Milied.

3-Tengħud-tas-siġra

Dehra mill-qrib tal-fjura tat-tengħud tas-siġra.

It-tengħud tas-siġra togħla sa 2 metri. Hija pjanta ħorfija, jiġifieri, twaqqa’ l-weraq f’parti mis-sena. Din twaqqahom fis-sjaf meta torqod matul il-ġranet sħan minn Mejju sa ma tagħmel l-ewwel xita. Hekk kif tħoss ix-xita jibdew jifilsu (jispuntaw) il-weraq ħodor jagħtu fl-ikħal li jistgħu jitwalu minn 25 sa 65 mm u wesgħin minn 3 sa 8 mm. Minn Diċembru sa Mejju tinkesa bi fjuri sofor li jiddakkru mill-insetti, l-aktar speċi ta’ dubbien, biex jagħmlu ż-żerriegħa. Din ikun fiha 3 mm diametru, ċatta minn tulha u kemmxejn griża. Meta ż-żerriegħa ssir, il-pjanta tisparaha ’l barra. Meta din taqa’ fl-art, in-nemel iġorruha aktar ’l bogħod mill-pjanta omm. Aktar ma joqrob is-sajf il-weraq jinbidlu minn lewn aħmar-oranġjo sa aħmar dagħmi, sakemm jaqgħu kollha fis-sajf, u t-tengħud tas-siġra torqod waqt li tistenna’ l-ewwel xita.

1-Tengħud-tas-siġra

Il-weraq jieħdu lewn ta’ aħmar dagħmi aktar mal-ġranet isiru sħan u joqrob is-sajf.

It-tengħud tas-siġra għandha bħal ħalib li minbarra li huwa velenuż, jirrita ’l-ġilda u wieħed irid joqgħod ħafna attent meta jersaq u jmiss ma’ din il-pjanta. Huwa perikoluż ħafna jekk dan jidħol fl-għajnejn. Dan il-likwidu jinstab fl-ispeċi ta’ dan il-familja u huwa karatteristiku tagħhom. Kif joħroġ minn xi parti tal-pjanti jinxef kif iħoss l-arja. Minħabba f’hekk l-annimali li jirgħu jżommu ’l bogħod minnha.

Sa mill-qedem dan il-likwidu abjad ta’ din il-pjant kien jintuża fil-mediċina tradizzjonali. Dan kien jintuża biex ifejjaq xi mard u anki biex inaffar l-insetti. Kien jintuża kontra t-tumuri u l-felul fuq il-ġilda.  Ilum dan qed jiġi studjat aktar bir-reqqa. L-isem spurge ġej mill-Inglilż u l-Franċiż qadim li tfisser tnaddaf, minħabba li din kienet tintuża bħala porga.

Ngħid għalija ma nixba’ qatt inħares lejn din il-pjanta, speċjalment meta tkun bil-fjur. Meta jkolli l-kaxxa tar-ritratti miegħi, mhux faċli li nieqaf niġbed ritratt wara ritratt. Il-bidla fid-dehra ta’ din is-siġra matul l-istaġuni wkoll issaħħarni. F’waqt tkun qisha mejta, għarwiena minn kull werqa (kif tinstab issa), u f’waqt ieħor tinkesa bil-mod il-mod  b’weraq sabiħ, u f’daqqa waħda tfur bil-fjuri sofor. Aktar ma tisħon il-ġurnata, aktar tibdel l-ilwien tal-weraq, sakemm jaqgħu u torqod.

Niftakar meta darba tajt pjanta minn dawn lill-ħabib tiegħi, kien tarrafli li l-ġardinar tiegħu qallu li din mietet meta daħal is-sajf u qalagħhielu!

It-tengħud tas-siġra nsibuha mniżżla fi Skeda III ta’ Avviż Legali 311 tal-2006. L-ispeċi ta’ annimali u ta’ pjanti li jinstabu f’din l-iskeda huma ta’ interess nazzjonali u biex jintlaħaq il-ħarsien tagħhom jenħtieġ li jkunu dikjarati żoni speċjali ta’ konservazzjoni fejn jikbru.

4--Tengħud-tas-siġra

Għidli ftit, pajjiżna ma jkunx isbaħ kieku wħud mid-dwawar kbar fit-toroq jitlibbsu bi rqajja tat-tengħud tas-siġra, pjanta Maltija, miksija għal numru ta’ xhur bil-fjur safrani?

Hija veru ħasra li l-pjanti Maltijn li jaqsmu dawn il-gżejjer magħna, ma nifhmuhomx, ma napprezzawhomx u ma nużawhomx aktar biex isebbhu pajjizna. Aħseb ftit kieku dawn il-pjanti, bħat-tengħud tas-siġra, jitħawlu fid-dwawar kbar li nsibu f’nofs it-toroq. Bdil ta’ kuluri matul is-sena kollha. Ilma mill-anqas. U jieħdu ħsiebhom infushom matul l-istaġuni mingħajr spejjeż. Imma… ma fihomx qligħ ta’ flus kbir, minkejja li kemm il-poplu kif ukoll l-ambjent jistagħnaw jekk dawn jintużaw.

Isem Malti: tengħud tas-siġra
Isem Ingliż: Tree Spurge
Isem Xjentifiku: Euphorbia dendroides

________________________________________________________________

Ara wkoll:

Fjuri indigeni Maltin 3 –Il-Kappar http://wp.me/pL6Mk-Kp 

Fjuri indigeni Maltin 2 – Kromb il-Baħar http://wp.me/pL6Mk-Jw

Fjuri indigeni Maltin 1 – Il-Ħannewija http://wp.me/pL6Mk-ua

Discovering wild flowers at Dingli http://wp.me/pL6Mk-uB

aebaldacchino@gmail.com

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: