PREMJU GĦALL-IMMANNIĠĠAR XEJN PROFESSJONALI TAL-AMBJENT


NewsBook

It-Tnejn, 15 ta’ Settembru, 2014

PREMJU GĦALL-IMMANNIĠĠAR XEJN PROFESSJONALI TAL-AMBJENT

Alfred E. Baldacchino

Sa minn mindu nkunu żgħar nistudjaw, naħdmu u nistinkaw. Ikun ta’ sodisfazzjon kbir meta niksbu xi premju jew ċertifikat. Dan ngħożżuh, nuruh lill-ħaddieħor, u ndendluh ma’ xi ħajt fejn jidher u jista’ jarah kulħadd. Inkunu ferm kburin meta x-xogħol tagħna jkollu għarfien minn ħaddieħor. Minbarra li dan jagħtina sodisfazzjon, jgħinna biex dak li nkunu tgħallimna nkunu nistgħu nħaddmuh għal ġid tas-soċjetà.

Sa mill-iċken livell tal-iskola jixgħelu l-għajnejn meta l-għalliema jagħtu xi stilla għax-xogħol mirqum. U dan is-sodisfazzjoni jibqa’ tiela’ magħna fil-ħajja. Mhux biss ikun ta’ sodisfazzjon kbir għal dawk li jiksbuh, imma wkoll juri r-risponsabbiltà li għandna lejn is-socjetà, li tkun ukoll tat sehemha u l-għajnuna tagħha biex dak li jkun jasal biex ikun jista’ jakkwista dawn il-premjiiet u ċertifikati.

Imma b’dieqa kbira wieħed jara kif illum uħud ma għandhom l-ebda sodisfazzjon b’dawn il-premijiet jew ċertifikati u l-għarfien tax-xogħol tagħhom mis-soċjetà. Is-sodisfazzjoni personali jegħleb u jxejjen kull ħsieb soċjali. Ir-rgħiba tal-materjaliżmu li llum ħakmet il-ħajja ta’ kull jum f’kull qasam soċjali, twassal biex hemm minn juża’ it-tagħlim u l-esperjenzi tiegħu biex jaħtaf għalih mingħajr ebda ħsieb ta’ kif dan sejjer jgħin jew ixekkel lis-soċjetà. Mhux talli hekk, talli s-soċjetà tħallas hi parti mill-ispejjeż ta’ meta wħud jaħtfu għalihom biss.

Illum naraw li wħud jaslu wkoll biex jgħidu li l-kuxjenza hija xi ħaġa ta’ żmien il-bużnanna. Il-morali, il-professjonalità, it-teknika, mhumiex xejn ta’ xkiel għal min ikun irid jaħtaf għalih, u jimmina s-soċjetà u l-ambjent. Anzi… Meta naraw ix-xogħol ta’ Mikelangelo, seher li għamel  bit-tinqix tal-għodda li uża, mill-ewwel nifhmu li dan mhux biss kien ta’ sodifazzjon kbir għalih, imma anki għas-soċjetà kollha, tant li x-xogħol tiegħu huwa meqjus bħala wirt artistiku internazzjonali. Ma għandniex xi ngħidu dan ma jfisserx li ma kienx hemm ukoll is-sodisfazzjon finanzjarju, imma mhux talli s-soċjetà ma ħallset xejn, imma hi ukoll gawdiet minn dan ix-xogħol. Jekk mill-banda l-oħra naraw kif l-għodod li bihom Mikelangelo naqqax l-opri tiegħu setgħu jintużaw, kif ġieli ntużaw, biex dawn neħħew il-ħajja ta’ ħaddieħor, allura nifhmu mill-ewwel li minn użahom b’dan il-mod għamel dan għas-sodisfazzjon tiegħu biss, u s-soċjetà sofriet u ħallset.

Min iwettaq dan l-għemil eġoistiku ma tantx iħossu komdu. Dan mhux biss ma jkunx iridu xi premju jew ċertifikat għal xogħlu, imma lanqas ikun irid jissemma, anzi jagħmlu minn kollox biex jinħeba bil-mezzi kollha possibbli. Saħansitra hemm min jgħatti wiċċu biex ma jidhirx u biex is-soċjetà ma tarahx u ma tagħrfux. Iħoss li l-għemil tiegħu mhux xi wieħed li jista’ jiftaħar bih, jemmen jew ma jemminx fil-kuxjenza jew fil-morali.

trophy-2014

Għall-għar kontribut lejn is-soċjetà u l-ambjent Malti.

Għalhekk għidt li tkun ta’ għajnuna kemm għas-soċjetà kif ukoll għall-ambjent li kieku jkun hemm premju li jingħata kull sena lil dik il-persuna, jew entità soċjali, kemm kummerċjali, politika, jew reliġjuża, li bl-għemil, deċiżżjonijiet jew għajnuna tagħha, is-soċjetà kif ukoll l-ambjent ikollhom iħallsu prezz qares meta dan l-għemil jiġi mwettaq u fejn is-soċjetà ma kellha l-ebda sehem f’din id-deċiżjoni. Jew is-soċjetà wriet it-tħassib u l-fehmiet tagħha u jew ma instemgħetx jew ġiet imwarba.

Minkejja li pajjiżna huwa żgħir huwa mżejjen u mogħni b’ambjenti ewlenin li wħud ma jinstabu mkien aktar fid-dinja. U s-soċjetà Maltija hija mfisqija u mkabbra u għandha rabta ma’ dan l-ambjent tagħna lkoll. Għandha wkoll karatteristiċi ewlenin. B’dieqa ta’ qalb wieħed jista’ jara kif għal dawn l-aħħar snin, dawn il-karatteristiċi Maltin bil-mod il-mod qed jitherrew, jitnaqqru, jitkissru u jitfarku. Mhux talli s-soċjetà jew l-ambjent mhux qed jistagħnew, imma saħansitra qed ikollhom iħallsu huma biex ħaddieħor ikun jista’ jistagħna hu.

Il-ġenerazzjonijiet ta’ għada li silfuna dawn il-gżejjer biex neħdulhom ħsiebhom għad ikun jridu jagħfu x’wassal biex huma sabu dan il-wirt mhux f’qagħda tajba daqs kemm kien meta għaddewh lilna. Naħseb li jkunu jridu jagħfu minn kien dak jew dik l-entità li waslet għal dan l-immanniġġar xejn professjonli. Dan il-premju fl-immanniġġar xejn professjonali jagħti ħjiel ta’ minn kellu din ir-responsabbiltà u ma ħaseb xejn fihom. Din hija l-ewwel sena li qed nissuġġerixxi dan il-premju. Inti għandek xi suġġerimenti?

alfredbaldacchino.wordpress.com

aebaldacchino@gmail.com

 

 

 

 

 

Advertisements

3 Responses to PREMJU GĦALL-IMMANNIĠĠAR XEJN PROFESSJONALI TAL-AMBJENT

  1. Ben Azzopardi says:

    Ikollna problema biex jintghazel ghax in-numru ta’ kontestanti bla dubju ikun kbir hafna!!

  2. Ghaliex ghandna nippremjaw lil min jiehu hsieb l-ambjent? Jehtieg indahhlu kultura soda lejn l-ambjent anzi kultura dixxiplinarja . Hija in-nuqqas ta’ dixxiplina li qed tmermer bosta inhawi ta’ Malta. Donnu hadd mhu il-fuq mill-gvern tal-gurnata. Ma ghandniex ghira ghall-pajjizi zghar ohra bhalna li investew f’ambjent xieraq u hadu frott xieraq specjalment dak turistiku. Kieku mhux ghall-istorja li ghandna kieku hadd ma jersaq lejn din il-gzira. Hawn falliment totali fejn jidhol l-ambjent u donnu hadd mhu responsabbli. Mhux tal-biki li mill-kottonera jghaddu biss 12-il istudent ghal universita? U dan ghax jghixu f’ambjent hazin. L-ambjent u il-bniedem huma inseparabbli. Ambjent hazin jirrifletti f’karattru fqir. Mhux ta’ b’xejn hawn daqshekk mard.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: