Il-kappella f’tal-ħlas u t-tqala tal-irħam


NewsBook

It-Tnejn, 28 ta’  Lulju 2014

Il-kappella f’tal-ħlas u t-tqala tal-irħam

Alfred E. Baldacchino

Dan l-aħħar ħabib tiegħi ħadni nara l-kappella tal-Madonna mtella’ s-sema f’tal-Ħlas: fuq ir-riħ ta’ Wied is-Sewda, bejn Ħal Qormi u Ħaż-Żebbug. Qatt ma kont żort dawn l-inħawi. Kappella b’artkitettura klassika barokka, bil-karatteristiċi tal-kappellel li wieħed jista’ jsib imferxa madwar il-pajjiż. Aktar tagħrif fuq din il-kappella sibtu fil-ktieb ta’ Joseph Camilleri u Joseph Spiteri Is-Santwarju tal-Ħlas Ħal Qormi ippubblikat fl-2005.

Il-kappella f'Tal- Ħlas

Il-kappella f’Tal- Ħlas

Waħedha, qalb l-għelieqi sa mill-1465 qabel ġiet miżjuda bix-xogħol tal-perit Lorenzo Gafà, illum siekta u għadha maqtugħa mill-bini li qed jibla’ kull biċċa art li jsib quddiemu, dejjem bil-barka ta’ minn suppost jikkontrollah. Għadha hiemda f’misraħ quddiem palazz mibni fi żmien il-Kavallieri. Minn jaf x’raw u x’semgħu bejniethom. Żgur li kull nħar ta’ Ħadd u f’festi kmandati, kienu jinġemgħu raħħala u bdiewa bil-qorq, bis-sidrija u b’lobbja f’rashom, fuq iz-zuntier jew fil-loġġa mgħammra bil-bankijiet u l-imwejjed tal-ġebel, kollha jaqsmu l-ferħ u l-imrar ta’ matul il-ġimgħa li tkun għaddiet, waqt li jsaħħu r-rabta bejniethom f’dik il-laqgħa soċjali.

Iz-zuntier bil-loġġia biswit

Iz-zuntier bil-loġġia biswit

Ħassejtni miblugħ minn dawk iż-żminijiet mgħoddija, fejn it-tbatija fiżika kienet kbira, imma xejn anqas kienet ir-rabta man-natura. Bdejt bħal nisma’ l-prezzijiet li ġab id-dugħ ta’ rtajjel u qnatar li l-bdiewa ħadu l-pitkali bil-karettun: biċċa, nofs biċċa, skut, disgħa rbajja, jew salib. Kemm sejra ġġib il-bħajra bikrija, il-frott irqiq u l-patata. Ħassejtni nisma’ raħħal b’nofs tbissima, wiċċu jixgħel, jistqarr kif l-erħa tal-ewwel waslet biex tferrgħa, waqt li kien sejjer jiġi bżonn ta’ barri tar-razza biex jgħammarlu oħra. Tant kont mitluf fl-ħsibijiet ta’ dawk iż-żminijiet storiċi jidwu madwar il-ħitan taz-zuntier, li sieħbi kellu jiġbidni minn spalti meta ma weġibtux mill-ewwel.

Ġawhriet bħal din il-kappella għandna ħafna u hija ħasra li wħud minnhom huma kważi mitluqa. Għalhekk kien ħsieb tajjeb u għaqli tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi li bil-għajnuna ta’ €247,000 mill-UE, nieda proġett tar- restawr tal-mgħodija storika li tiġbor fiha l-misraħ tal-kappella tal-Ħlas.

Tagħrif mogħti mill-Kunsill ta' Ħal Qormi

Tagħrif mogħti mill-Kunsill ta’ Ħal Qormi

Sfortunatament meta wieħed jara x-xogħol ma jistax’ jgħid li dan kollu jinfilsa b’mod naturali kif ukoll storiku mal-ambjent ta’ dak il-misraħ u l-Kappella tal-Ħlas.

Is-siġar li jħaddnu l-misraħ 'miżbura' bil-ħsieb tal-bankijiet

Is-siġar li jħaddnu l-misraħ  fi ħwat tal-irħam, ‘miżbura’ biex jaqdu l-bankijiet

 

L-akbar opra tixher fir-restawr ta’dan il-misraħ huma żewġt iħwat kbar madwar dawn iż-żewġ siġriet li b’intellilġenza endemika Maltija, inksew b’tip ta’ irħam! Jista’ wieħed jimmagina misraħ tal-kappella ta’ qabel l-1465 mibnija bil-ġebla Maltija f’nofs ir-raba’, jiġi restawrat b’żewġt iħwat madwar żewġ sigriet, miksija bl-irħam?

Kif qalli l-ħabib tiegħi meta ġibed l-attenzjoni lil xi ħadd mill-kunsill qalulu li dawn il-ħwat ġew aħjar minn kif riedet il-MEPA. Din riedet li l-konki oriġinali tas-siġar jiddawru bil-ferrobattuto, jaqblu mal-kanċel taz-zuntier. Numri oħra ta’ kondizzjonijiet kienu dwar il-ħarsien tal-ħitan tas-sejjiegħ. Possibli li l-MEPA waslet fi stat li tagħmel dak li jgħidulha u mhux dak li tordna hi? Qaluli wkoll li l-MEPA qed tistudja t-tqala ta’ dan l-irħam u ksur ieħor tal-kundizzjonijiet fil-permess.

Is-siġar li jħaddnu l-misraħ 'miżbura' bil-ħsieb tal-bankijiet

Irħama tat-tnedija tal-proġett

Fil-ġenb tal-kappella f’tal-Ħlas isseraħ fuq irħama wieqfa, tabella tagħti tgħarif dwar l-għajnuna mill-UE u t-tnedija tal-proġett mill-Prim Ministru fil-20 ta’ Mejju fl-2014. Sadanittant il-MEPA għadha qed tistudja x-xogħol li sar kontra l-kundizzjonijet tagħha. U naħseb ukoll li min fassal ix-xogħol ukoll mar jiżżi ħajr ’il-madonna tal-ħlas.

Minkejja l-kondizzjonijiet mill-MEPA dwar il-ħarsien tal-ħitan tas-sejjiegħ, siment u irħam mormija fuq wieħedmill-ħitan.

Minkejja l-kondizzjonijiet mill-MEPA dwar il-ħarsien tal-ħitan tas-sejjiegħ, siment u irħam mormija fuq wieħed mill-ħitan.

 

tagħrif fuq xi kliem

1. dugħ – mezzez mimlijin frott u ħaxix li l-bdiewa jieħdu l-pitkali.
2. biċċa – erba’ xelini u żewġ soldi (4s.2d.) jew 50 sold tal-flus qodma. Illum isarfu €0.48
3. nofs biċċa – żewġ xelini u sold (2s.1d.) jew 25 sold tal-flus qodma illum €0.24
4. skut – xelin u tmin soldi (1s 8d) jew għoxrin sold, illum €0.192
5. Disgħa rbajja’ – xelin u tlett soldi jew 15-il sold illum €0.144
6. salib – l-istess bħal skut
7. bħajra – bettieħ
8. erħa tal-ewwel – baqra żgħira ta’ aktar minn sena li diġà ferrgħet darba
9. erħa – baqra żgħira li għadha qatt ma kienet ħobla

alfredbaldacchino.wordpress.com
aebaldacchino@gmail.com

 

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: