Fjuri indigeni Maltin 3 – Il-Kappara


 

NewsBook

It-Tnejn, 21 ta’ Lulju, 2014

Il-Kappara

Alfred E. Baldacchino

Il-kappara hija pjanta indiġena komuni li tikber fil-gżejjer Maltin. Hija arbuxell jew sġajra żgħira u għandha numru ta’ friegħi ħerġin minn xulxin, bil-weraq li jikbru fuq kull naħa tal-magħseb. Il-weraq ikunu ħodor, ħoxnin, ileqqu, tondi għal żengulin.

kappara2

Il-Kappara fl-aqwa tagħha, imlibbsa bil-fjuri.

Il-fjuri jikbru minn buttun li jkollu erba’ qasmiet. Kull fjura għandha erba’ petali bojod b’riħa tfuh li tiġbdek, li jkunu bejn 5 sa 7 ċm. Dawn iħaddnu numru ta’ ħjut vjola li jwieżnu l-għabra tad-dakra. F’nofshom hemm stigma waħda, dik il-parti femminili twaħħal li tilqa’ l-għabra tad-dakra. Wieħed jista’ jara dawn il-fjuri tal-kappar minn April sa Settembru.

kappara-bil-fjuri

Il-fjura tal-kappara bil-ħjut vjola li fit-truf tagħhom iwieżnu l-għabra tad-dakra. F’nofshom hemm l-istigma

Il-kappar hija pjanti li tikber qalb il-ġebel u l-blat u f’taħlit ta’ ħamrija. Tikber fuq blat għeri, fix-xquq u anki f’għaram ramel, u fi żrieżaq kalkarji kif ukoll f’ambjenti niexfa qrib ix-xtut. Tikber ukoll fil-qigħan tal-widien, tixxabbat mal-irdumijiet, u anki fil-fili ta’ bini antik. Saħansitra rebħet anki s-swar li ħarsa lejnhom biss hija biżżzejjed biex tnaffar lil dawk li jkunu jrid jattakkawhom.

Il-kappara tgħix aktar minn sena waħda, tikber minn sena għall-oħra. Fix-xitwa titlef ħafna mill-weraq tagħha, għax hija ħorfija.

Il-kappara tiflaħ għal­l-melħ u għalhekk tikber ukoll viċin il-baħar. Minbarra fil­gżejjer Maltin il-kappara tinstab tikber madwar il-Mediterran.

Tant għandha valur ekonomiku l-kappara, li f’pajjiżi oħra għall-ħabta tal-aħħar tat-tmeninijiet, kienet ikkultivata f’wesgħat kbar, l-aktar f’pajjiżi fejn hemm ambjent aħrax. Dan minħabba li din il-pjanta tiflah ambjent Mediterranju, u f’wesgħat niexfa bħad-desert, fejn anki tgħin biex dan l-ambjent fraġli ma jinqeridx. Hija tiflaħ għal temperaturi li jilħqu madwar 40°C u anki riħ qawwi.

Hija mfassal b’mod li tista’ tnaqqas l-impatt ta’ levelli għolja ta’ radjazzjoni, temperaturi għoljin u nuqqas ta’ ilma fil-ħamrija matul iż-żmien meta tkun qed tikber.

frott-biż-żerriegħa

Il-frotta tal-kappara li ġo fiha jkun hemm iż-żerriegħa

Il-kappara tista’ titnissel miż-żerriegħa li tinġabar mill-frotta misjura. Dawn jinżergħu f’taħlita ta’ ħamrija li ma tkunx iżżomm imma li ssaffi l-ilma. Imma l­kappara tista’ wkoll titnissel bil-biċċa li jinqatgħu minn 15 sa 50 ċm twal u li jkollhom diametru ta’ bejn 1.0 sa 2.5 cm. Biċċiet meħuda minn qrib il-qalba tal-pjanta huma aħjar biex jirnexxu  minn dawk mehuda mit-truf tal-pjanta.

buttun-u-fjur-tal-kappar3

Il-buttun magħmul minn erba’ partijiet li jinġabru qabel ma jinfetħu fi fjura, biex jitpoġġew fil-ħall u l-melħ biex jintużaw mal-ikel.

Il-kappar jintuża fl-ikel Mediterranju. Il-blanzuni jew buttuni  jkunu ħodor kulur iż-żebbuġa u daqs ta’ qamħirrum jew piżella. Wara li dawn jinġabru jitpopġġew fil-ħall bil-melħ u jintużaw mal-ikel. Il-weraq mill-banda l-oħra jintużaw fl-insalata u mal-platti tal-ħut, għalkemm dawn l-aktar li nsibuhom huwa fil-Greċja u f’Ċipru. Iżda dawn il-weraq jiġu wkoll mgħollija u preservati f’vażetti bħall-blanzuni tal-kappar, bil-ħall u l-melħ. Anki l-weraq niexef tal­kappar jintuża minflok it-tames biex isir ġobon ta’ kwalità.

Bħala ħwawar il-kappar jgħati riħa u togħma taħraq lill-ikel li jinħass qisu aċtu qawwi. Dan jgħati riħa u tgħoma mielħa lill-ikel bħal ngħidu aħna l-ħut, il-laħam, l-insalata, iz-zalza, l-għaġin, u anki l-pizza.

Il-kappar kien jintuża bħala ġbara: qabda mill-pjanta, ta’ spiss imsaħħna, mifruxa fuq biċċa drapp u mqiegħda fuq il-ġilda biex ittaffi l-uġigħ, partijiet iffjammati tal-ġisem, l-aktar dawk tal-ġogi tas-saqajn u tal-idejn. Il-wereaq ukoll jiġu midrusa u mpoġġija fuq partijiet iffjammati, minħabba l-gotta. Taħlita, jew dekott, magħmul mill-weraq jew l-għeruq mgħollija ta’ spiss ukoll jintuża kontra l-ħmura tal-ġilda.

kappara

Il-kappar li jista’ jsebbaħ ħafna mit-toroq u dwarar fit-toroq tagħna minflok il-pjanti invażivi li qed jagħmlu ħafna ħsara ekoloġika.

Dawn il-karatteristiċi tal-kappara jagħmluha pjanta maħluqa għat-tisbih tal-art, anki minhabba li tgħin biex il-ħamrija ma tinġarx bl-irjiħat u x-xita. Imma sfortuntament mhux hawn Malta. In-nuqqas ta’ apprezzament tal-wirt naturali Malti, kif ukoll ir-rgħiba għall-flus huma għamad oħxon li ma jħallux wisgħa għall-apprezzament u l-ħarsien tal-pjanti indiġeni Maltin. Kif wieħed jista’ jara ħafna mill-‘landscapers professjonali’ li huma mħallsa minn flus pubbliċi aktar jgħażlu biex iġibu pjanti eżotiċi u invażivi biex jitħawla mat­toroq tagħna, u jużaw pjanti bħat-turf li jixorbu volumi ta’ ilma mill-ftit li għandna.

Din il-ġimgħa għaddejt mill-parti tat-triq il-ġdida f’Diċembru 13 u biswit il­momument tar-repubblika rajt li tħawlu l-peniżetum, jew il-pjuma, minkejja li din hija invażiva u qed tinfirex u timla l-ambjent naturali Malti bħall-widien u x-xagħri u kullimkien. Mhux hekk biss imma l-Ministru responsabbli minn dawn il-landscapers tiegħu, mhux talli ma jwaqqafhomx imma jħallashom bla mistħija jew rimors. Kull darba li ngħaddi minn ħdejn il-momument tar­repubblika f’Diċembru 13 u nara dawn il-pjanti invażivi minflok pjanti Maltin, bħal ngħidu aħna kappar, ngħid kemm hu oħxon l-għamad tal-esperti mqabbda mill-gvern u tal-politikanti li jħallsuhom.

Isem Malti: Kappara
Isem Ingliż: Caper
Isem Xjentifiku: Capparis spinosa

aebaldacchino@gmail.com

Ara wkoll:

Fjuri indigeni Maltin 2 – Kromb il-Baħar http://wp.me/pL6Mk-Jw

Fjuri indigeni Maltin 1 – Il-Ħannewija http://wp.me/pL6Mk-ua

Discovering wild flowers at Dingli http://wp.me/pL6Mk-uB

aebaldacchino@gmail.com

Advertisements

5 Responses to Fjuri indigeni Maltin 3 – Il-Kappara

  1. v says:

    Prosit tal-artiklu. Iva Alfred E. Baldacchino. L-Għamad hu tabilħaqq oħxon!

  2. Joseph Dingli says:

    Thank you for all the information about the Caper…Hope Someone  to do something to save this plant from extintion. Well Done ..Keep It Up

  3. Everything leads to MEPA . jekk mhux ser nimmarcjaw fit- toroq tal- Belt Valletta b’rieda soda qajla ser jghatu kaz il- vuci taghna . Mepa is to blame . It is not operational niether effective . Imsieken uliedna li qed jittellaw madwar dawn il- hniezrijiet kollha ambjentali .

  4. LAWRENCE says:

    GHADNA SALLUM NIGGIELDU GHALL-DAWN ID-DRITTIJIET IZDA MIN JIKMANDA MA JRIDX JISMA MINN DAWN L-GHAQDIET LI VERAMENT IHOBBU L-AMBJENT. L.S
    27/8/15

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: