Kunsilli Lokali… mill-Imdina għal Pembroke


NewsBook

It-Tnejn, 7 ta’ Lulju, 2014

Kunsilli Lokali… mill-Imdina għal Pembroke
Alfred E. Baldacchino

Rajna u tkellimna dwar xogħolijiet li kellhom impatt negattiv fuq il-biodiversità. Tkellimna fuq ix-xogħol li sar fil-konfini tal-Kunsill Lokali tal-Imdina li jiġbor fih il-qerda tal-biodioversità fil-foss tal-Imdina fejn inqalgħu numru ta’ siġar biex isir ġnien ta’ kwalità. Rajna ż-żrar li ntefa fil-madwar tal-ġnien Howard u fih tħawlu numru ta’ kaktus eżotiċi, biex kif intqal isebbah l-­ambjent. Rajna ukoll is-serħan tal-karozzi fuq it-Tomba fil-ġnien Howard. Rajna kif pjanti indiġeni tqaxxru mill-ġnien Howard u tħallew pjanti invażivi. Insomma rajna l-faqar ta’ dan il-Kunsill lejn l-apprezament u l-ħarsien tal-biodiversità Maltija, u kif il-qerda tagħha issir bil-għajnuna ta’ flus pubbliċi.

Xi kultant naħseb li qisu hemm xi taqtigħa bejn xi kunsilli biex jaraw min minnhom iħallas l-aktar biex tinqered il-biodiversità Maltija. Ftit wara li dehru dawn l-artikli fuq dan il-blog dwar ix-xogħol tal-Kunsill Lokali tal-Imdina, ċempilli ħabib tiegħi u qalli bil­-qerda li qed issir fix-xagħri ta’ Pembroke. Ħaddiema, li kif nista’ nifhem kellhom l-approvazzjoni u mħallsa mill-Kunsill ta’ Pembroke (sakemm ma kienux ta’ xi Ministeru), dehru fix-xagħri jaqtgħu l-ħaxix li huwa meqjus bħala ħaxix ħażin.

Il-ħaxix-imqaxxar-minn-Natura-2000

Il-ħaxix – ambjent naturali – imqaxxar mis-sit Natura 2000 f’Pembroke.  U dan mhux la tal-ewwel u lanqas tal-aħħar.

Ix-xagħri f’Pembroke ġiet dikjarata mill-gvern ta’ Malta bħala wesgħa li hija sinjura fil-pjanti indiġeni Maltin li jikbru waħdehom fis-selvaġġ. U din toffri ambjent naturali għall-fawna li tgħix fuqhom u madwarhom. Dan ix-xagħri f’Pembroke huwa meqjus bħala Żona Speċjali ta’ Konservazzjoni taħt id-Direttiva tal-Ambjenti Naturali tal-Unjoni Ewropa. Tant li kienet uffiċjalment imħarsa u ntbgħatek lill-Unjoni Ewropea bħala waħda mill-obbligi li kull pajjiż għandu meta jissieħeb biex jiddikjara żona li tkun sinjura fil-biodiversità, bħal fil-każ tax-xagħri ta’ Pembroke. Illum din hija meqjusa li għandha importanza internazzjonali, tant li titqies li hija ta’ importanza għall-UE u tifforma parti mix-xibka Natura 2000. Jidher li dan ix-xogħol sar qrib proġett li sar bil-flus tal-UE! U kull xogħol li jsir fiha jrid l-barka tal-MEPA!

Pembroke---Heritage-Trail

It-tabella li turi li l-heritage trail sar bi flus tal-UE. Il-ħaxix li tqaxxar kien biswit il-passaġġ u parti mill-ambjent naturali importanti. It-tneħħija tiegħu tmur kontra l-għan tal-heritage trail.

Meta mbgħad wieħed jisma’ u jara kif kunsill lokali li għandu ambjent daqshekk importanti fil-konfini tiegħu jonfoq flus pubbliċi biex jibgħat jew iħalli ħaddiema jaqtgħu l-ħaxix li jitqies bħala ħażin, wieħed ma jistax ma jgħidx li n-nuqqas ta’ għarfien u apprezzament tal-biodiversità tagħna f’dan il-pajjiż hija fil-qiegħ net, minkejja wegħdiet politiċi li saru, u obbligi internazzjonali li pajjizna għandu, sa mid-dħul tagħna fl-UE.

Ma naħsebx li wieħed ikun qed jgħid xejn ħazin li wħud mill-kunsilli lokali mhux biss ma għandhomx l-iċken idea tal-obbligi ta’ pajjiżna fil-qasam tal-ħarsien tal-biodiversità, imma lanqas għandhom ħjiel tal-programm elettorali tal-gvern. U lanqas ikun ħażin li wieħed jikkonkludi li xi kunsilli lokali jonqfu flus pubbliċi li jkollhom sempliċement biex ikunu nefquhom. Fin-nuqqas ta’ direzzjoni professjonali, tagħrif tekniku, kooperazzjoni ma’ entitajiet oħra governattivi, allura l-ħsara fil-qasam tal-ħarsien u apprezzament tal-biodiversità sejra tikber matul iż-żmien, obbligi u mhux obbligi,  wegħdiet u mhux.

Vandalism

Il-vandaliżmu li sar fil-heritage trail fin-Natura 2000 f’Pembroke. Mhux aħjar li l-flus marru biex ġew imsewwija dawn il-ħsarat milli biex għamlu l-ħsara lill-ambjent naturali tas-sit Natura 2000.

 

Niżżu ħajr ‘l Alla li  dan ma japplikax għall-kunsilli lokali kollha. Meta kunsill ifittex tagħrif professjonali u tekniku, jew inkella ikollu fi ħdanu xi membru li jkollu għarfien tal­-ħtieġa tal-ħarsien ta’ dan il-wirt naturali, mill-ewwel wieħed jista’ jara ix-xogħol fejjiedi u professjonali tal-kunsill, bir-riżorsi jintefqu b’mod għaqli li jkun ta’ ġid kemm għas-soċjetà kif ukoll għall-biodiversità Maltija.

Smajt li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar fuq pariri professjonali ta’ wieħed mill-membri tagħhom, li mhux biss huwa kwalifikat iżda għandu kuxjenza soċjali u ambjentali, ħa deċiżjoni li wieħed jittama li tiftaħ it-triq għall-kunsilli oħra biex jimxu fuqha. Il-Kunsill waqqaf il-bexx bl-erbiċida li kien isir fuq pjanti slavaġġ fl-inħawi. Bexx li kien joqtol il-ħajja ekoloġika kollha f’dan l-ambjent naturali, u li wkoll seta’ jkollhu impatt negattiv fuq l-ilma u jniġġeż inħawi oħra.

Dan ukoll wassal biex minbarra li ma baqgħux jinħlew bla ħtieġa riżorsi finanzjarji, li jistgħu jintużaw għal xogħol ieħor, twaqqfet ukoll il-ħsara fil-qasam soċjali u ambjentali. U wasal għal widnejja wkoll li kunsilli oħra ġirien ta’ San Pawl il-baħar imħajrin li jaħdmu ukoll fuq l-istess linja.

Wieħed jifhimha li mhux kulħadd huwa mistenni li jkun jaf kollox. U għalhekk hemm il-ħtieġa li jkun hemm diskuzzjonijet u direzzjoni fuq xogħol delikat li għandu jew jista’ jkollu impatt negattiv fuq il-biodiversità u s-soċjetà. Meta r-rieda tajba ma tkunx imsejsa fuq ħsibijiet u tagħrif xjentifiku u tekniku, din twassal għall-ħsara ambjentali u soċjali; bħal meta sikkina li biha jista’ jsir ħafna ġid, tingħata lil tarbija għada kif telqet timxi. Jekk il-kunsill lokali ikollhom direzzjoni professjonali jistgħu jagħmlu ħafna ġid fil-qasam soċjali u ambjentali.

aebaldacchino@gmail.com

ARA WKOLL:

Tkompli l-qerda fil-ġnien Howard… imma għaliex? http://wp.me/pL6Mk-H9

Ir-rabja tar-Rabtin… u bir-raġun http://wp.me/pL6Mk-D3

Cash cow in the ditch  http://wp.me/pL6Mk-Ek

 

Advertisements

4 Responses to Kunsilli Lokali… mill-Imdina għal Pembroke

  1. gaucivincent says:

    Bħal dejjem prosit lil Alfred E. Baldacchino għal dan l-artiklu. Jiena nżid u ngħid li hi ħasra li meta jsiru taħdidiet fuq suġġetti ambjentali, il-kunsillieri lokali jispikkaw għan-nuqqas tal-preżenza tagħhom.

  2. Ray Pisani says:

    Spot On, you have accurately described the shortcomings at Pembroke. Let us hope they will be heeded.

  3. F’certi kunsilli ezempju klassiku il- kottonera li jzommu nadif ghalihom huwa Ambjent.Imbghad cranes mitluqin ghax scrap quddiem l-istess cittadin snin twal dawn jghalqu ghajnejhom . Wiehed irid ifahhar is- Sindku tal-Birgu fejn hareg direttiva li jinqalaw l-airials il-qodma jekk ma jintuzawx. Dan halla ambjent mixtieq u aktar ta’ opportunita lic-cittadini li jkunu parti mit-tisbieh tal-Birgu. Li irrid nghid huwa li Kunsill ghaqli ihaddan l-ambjent f’kull qasam. Malta jehtieg thaddar hafna aktar u dan ghal gid komuni tal- Poplu kollu. Grazzi Alfred once again tal-gharfien tieghek dwar l-Ambjent .
    .

    • gaucivincent says:

      Għal żmien twil, anki grazzi għall-Gvernijiet li kellna, ħarsien tal-Ambjent kien ifisser tindif tat-triqat. L-anqas ma kien jimpurtana fejn jispiċċa l-iskart. Sakemm ma narawħx, ma kienx hemm problema: out-of-sight-out-of-mind.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: