Fjuri indiġeni Maltin 2 – Il-Kromb Il-baħar


NewsBook

It-Tnejn, 30 ta’ Ġunju, 2014

Il-Kromb il-baħar

 Alfred E. Baldacchino

 Il-kromb il-baħar hija pjanta indiġena Maltija, jiġifieri din minn dejjem kienet tikber fil-gżejjer Maltin qabel il-bniedem rifes fuq dawn il-ġżejjer. Din hija pjanta perenni: tgħix għal numru ta’ snin u mhux għal sena waħda biss. Tikber mal-kosta u tiflaħ għall-kondizzjonijet ħorox, bħar-raxx tal-baħar, sħana u nuqqas ta’ ilma. Togħla madwar 100 ċm u tħaddar is-sena kollha.

5-kromb-il-bahar

Il-kromb il-baħar tikber ukoll fil-punent u fiċ-ċentru tal-Mediterran u fit-tramuntana tal-Afrika, fin-nofsinhar tal-Ewropa u wkoll fit-Turkija. Imma l-ispeċi li tikber fil-gżejjer Maltin hija sotto­speċi endemika, u din tikber biss fil-gżejjer Maltin u fi Sqallija. Bħala speċi endemika hija mħarsa bl’Aviż Legali 311 tal-2006.

Il-weraq tal-kromb il-baħar huma forma ta’ lanza twal minn 5 sa 15-il­ ċm u wiesgħa minn 3 sa 7 mm. Il-weraq jaqbdu mal-magħseb fuq għonq u jkollhom qatgħat qishom swaba qosra. Kemm il-weraq kif ukoll il-magħseb huma miksija b’xahar matt abjad kemmxejn twil li jikber fuq ġenbu u li jagħti dehra fiddiena lill-pjanta. Dan aktar jiksi l-weraq minn taħt milli minn fuq, tant li meta l-weraq jeqdiemu minn fuq ikunu lixxi u aktar ta’ lewn ħadrani. Il-kromb il-baħar jikber fix-xquq tal-blat, mal-ħitan u fix-xquq tagħhom u huwa komuni ħafna ħdejn il-baħar. Wieħed jista’ jaraha bil-fjur matul ir-rebbiegħa u s-sajf.

8-kromb-il-bahar

Il-fjuri tal-kromb il-baħar ikun fihom madwar 4 ċm diametru, jikbru fuq għonq qasir imħaddnin ma’ xulxin u mgħaqqdin ma magħseb, u hekk jiffurmaw bukkett.

Din il-pjanta indiġena tintuża wkoll fil-mediċina tradizzjonali. Taħlita minn din il-pjanta tintuża biex jinħaslu l-għajnejn minħabba l-katarretti, minħabba viżta mċajpra, u anki għall-inflammazzjoni tal-għatu tal-għajn minn ġewwa fejn jgħatti l-għajn.

Minbarra hekk il-kromb il-baħar jiġi kkultivat wkoll biex jintuża biex issebbaħ l-art. Sfortunatament minkejja s-sbuħija tiegħu u l-fatt li huwa adattat għall-ambjent Malti għax huwa indiġenu, u ma tantx irid ilma, xejn ma hu apprezzata f’pajjiżna u mhux biss ma jintużax imma anki jinqered fejn jikber fil-kampanja.

Il-mentalità li ħakmet lill-bniedem, anki f’pajjiżna, tagħti valur biss lil dawk l-affarijiet li jħallas għalihom, filwaqt li dawk li jikbru jew jiġu waħedhom u jsebbu l-pajjiżna, bħal ngħidu aħna l-fjuri u s-siġar slavaġġ u l-ilma tax-xita, ma jtihom l-ebda valur. Dan qed iwassal għan-nuqqas ta’ apprezzament u qiegħed jagħmel ħafna ħsara lill-ambjent naturali tal-gżejjer Maltin, qerda li xi kultant issir bil-barka uffiċjali u mħallsa minn flus il-poplu.

Il-kromb il-baħar jista’ jsebbah anki l-ambjent urban kemm quddiem id-djar, u anki fi rqajja’ fl-ibliet u fl-irħula u matul it-toroq. Meta jitħawlu dawn jieħdu ħsieb tagħhom infushom u ma jkunux iridu wisq xogħol biex jikbru u jissaqqew. Jikbru minn sena għal sena. Il-fatt li dawn ma jintużawx mhux biss juri n­nuqqas ta’ apprezzament tal-wirt naturali ta’ pajjiżna imma juri wkoll li l-għan ewliena fix-xogħol tat-tisbih tal-art f’pajjiżna isir biss għall-qliegħ tal-flus, mingħajr ebda ħsieb ta’ edukazzjoni u ħarsien tal-biodiversità Maltija.

7-kromb-il-bahar

Isem Malti:  KROMB IL­-BAĦAR

Isem Inglilż:  Sicilian silver ragwort

Isem xjentifiku:  Jacobaea maritima subsp. sicula = Senecio cineraria

 ara wkoll:

Fjuri indiġeni Maltin 1 – Il-Ħannewija http://wp.me/pL6Mk-ua

Discovering wild flowers at Dingli http://wp.me/pL6Mk-uB

aebaldacchino@gmail.com

Advertisements

2 Responses to Fjuri indiġeni Maltin 2 – Il-Kromb Il-baħar

  1. Naqbel miegħek kompletament fuq dak li ktibt, fejn tidħol l-użu ta’ xtieli indiġeni għat-tisbiħ tal-ġnub tat-toroq etc. Ħaġa li ilni li ktibt fuqha sa ,minn meta kont nikteb regolarment paġna dwar l-ambjent f’semanal li kien joħroġ kull nhar ta’ Ħadd. Hija ħaġa tal-mistħija li jitħawlu eluf ta xtieli warradija, li jridu eluf ta’ litri ta’ ILMA PREZZJUŻ, biex isebbħu lil dawn il=-postijiet, meta flokhom jistgħu jintużaw xtieli bħall-Ħannewija, u l-Kromb il-Baħar, li jeħtieġu ferm inqas! Sal- ġimgħa li għaddiet rajt ħaddiema jaqilgħu il-LEBLIEB ( Convulvus sp) mimli ward roża u/ abjad biex flokhom iħawwlu xtieli oħrajn

    • L-isfortuna Joseph hija li l-pollitikanti l-ewwel iħarsu lejn il-flus imbagħad jaraw jekk dan jaqbelx lis-soċjetà u lill-ambjent. Deċiżjonijiet bħal dawn jitkellmu waħedhom, dejjem għal min għandu għajnejn biex jara u moħħ biex jifhem.
      U min għandu interess li jkompli juża l-mentalità miskina tal-politikanti, jagħmel minn kollox biex iwarrab minn nofs (bħal ma għidt int il-Leblieba roża) biex din ma tmurx tiftah xi għajn ta’ xi ħadd.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: