X’qed nagħmlu bl-ilma tax-xita?


NewsBook

X’qed nagħmlu bl-ilma tax-xita?

 

 It-Tlieta, 24 ta’ Ġunju, 2014

Alfred E. Baldacchino

water tapKieku wieħed kellu jistaqsi minn fejn inġibu l-ilma ma għandhix dubju li jkunu ħafna dawk li jgħidu li dan jiġi mil-vit! Forsi wħud jgħidu mid-distillaturi li jaqilbu l-ilma baħar f’ilma tax-xorb. Imma naħseb li jkunu l-ftit dawk li jaħsbu li x-xita t-tina ilma tajjeb għax-xorb u b’xejn għax ftit huma dawk li jgħarfu l-importanza ta’ dan l­ilma. Dan, wara li jaqa’ mis-sema b’xejn, jinxtorob mill-blat u bil-mod il-mod jinħażen fl-ilma tal-pjan, kemm dak ta’ fuq, kif ukoll dak ta’ taħt. Fil-qedem kien is-sors tal-ħajja fil-gżejjer Maltin, u għal numru kbar ta’ snin kien jisqi kemm lill-bniedem u l-bhejjem tiegħu fuq din l­art. Kienu jaħsbu bis-sħiħ biex dan ma jinħeliex.

06 - ilma

Kif l-ilma tax-xita jinxtorob u jinħażen fl-ilma tal-pjan,kemm ta’ fuq kif ukoll ta’ taħt. (meħud mill-ktieb Ilma, blat u ħajja ta’ Patrick J Schembri u Alfred E. Baldachhino)

Minn jaf kemm konna nixorbu anki minn nixxigħat, jew inkella ntellu ftit ilma bil-barmil mill-bir. Dak kien ilma bnin u frisk, u b’xejn. Għidt konna għax illum wieħed jiftaħ il-vit u jsib l-ilma, li nħallsu għalih. U hekk nemmnu li dak tax-xita ma għandux valur u mhux tajjeb. Għalhekk ftit hemm għarfien tal-bżonn li nieħdu ħsieb dan ir-riżors, dejjem sakemm meta niftħu l-vit insibuh.

Tant tlifna kull apprezzament ta’ dan ir-riżors importanti għall-ħajja li jasal għandna b’xejn, li llum aktar hemm sforzi biex narmuħ milli biex naħżnuh.

dumped-water

Ngħid għalija ma nistax nifhem it-tfassil poliltiku li twettaq dan l-aħħar snin. Kien hemm liġi tal-1854 li kull qatra ilma tax-xita trid tiġi maħżuna. Imma Ministru Malti ħassar dan l-obbligu li kienet titlob li kull dar u kull binja jkollha bir kbir skont il-kobor tal-binja, biex jilqa’ u jaħżen l-ilma tax-xita, u dan tpoġġa f’linji ġwida. U hekk issa l-ilma li jaqa’ fuq il-bjut jista’ jmur fit-toroq jew fid-dranaġġ li qatt ma tfassal biex jieħu dan l-ilma kollu. Wieħed jista’ jara numru ta’ funtani ta’ ilma mniġġeż ħiereġ mit-tappieri fit-toroq, u ilma ħiereġ fit-toroq minn fuq il-bjut. Dan imur fil-widien u jniġġeż kull fejn jgħaddi, saħansitra anki l-ilma tal-pjan.

page-1

LN-376-of-2012

Naraw ukoll Ministru li biex itaffi l-għargħar minn dan l-ilma mit-toroq issa l-biċċa ’l kbira mniġġeż, iħaffer mina taħt l-art bi flus mill-Unjoni Ewropea (madwar €70 miljun) biex l-ilma tax-xita ma jibqax jiġri fit-toroq imma jintrema l-baħar. Smajna li dalwaqt titlesta din il-mina u naħseb li jindaqqu ftit trombi għall-ftuh ta’ din l-opra.

Ngħid kieku b’dawn il-flus kollha tħaffru ġwiebi kbar f’kull bitħa ta’ kull skola li għandna u f’kull wesgħa fl-irħula biex jilqgħu u jaħżnu dan l­ilma, u kieku l-bjar u l-ġwiebi li hawn ta’ żmien il-Kavallieri, issewwew u tranġaw, u kieku min ried iħaffer bir fid-dar tiegħu kien mgħejjun, ma kienx ikun aħjar milli dawn il-flus intremew il-baħar?

Saħansitra Ministru, ukoll minħabba l-obbligi u anki bi flus miġjuba mill-UE, bena impjant ħdejn il-baħar biex isaffi l-ilma tad-drenaġġ. U niftakar kemm-il darba li dan ftaħar li dan l-ilma ma għandux valur ekonomiku, u li Malta sejra tkun l-ewwel pajjiż fl-UE li tarmi, iva tarmi l-baħar, l-ilma msaffi mid-dranaġġ. U żgur li mhux sejrin nibqgħu tal-ewwel biss, imma anki tal-aħħar għaliex fl-UE l-ilma msaffi jintuża u jerġa jintuża u mhux jintrema, minkejja li għandhom ħafna aktar ilma milli għandna aħna. Ara Singapor, l-ilma tad-dranaġġ jużawh, darba, tnejn. tlieta, sa seba’ darbiet, u anki għax­ xorb. Imma la fl-UE u lanqas f’Singapor għadha ma waslet l-intelligenza endemika tal-politku Malti. Għandniex biex inkunu kburin f’dan il-pajjiż!

Mhux talli hekk, talli wara li l-ilma tad-dranaġġ imsaffi, u l-ilma tax-xita jintremew il-baħar, ftit metri ’l bogħod minn fejn dan jintrema, għandna d­distillaturi li jerġgħu jiġbdu l-ilma mill-baħar u jsaffuh biex jerġgħu jwassluh ġol-vit fid-­djar u fl-industrija: minn fejn ikun intrema. U biex isir dan jinħaraq ammont kbir ta’ żejt fossilizzat biex iħaddem id­distillarturi, u joħorġu flus Maltin barra minn Malti biex jinxtara. U l-ħruq tiegħu iniġġeż l-arja.

Xi kultant nistaqsi lili nnifsi jekk hemmx xi ħadd li huwa, jew kien, aktar ħerqan li jixtri ż-­żjut minn barra minn Malta milli huwa biex jaħżen u jsalva risorż naturali li l-Ħallieq itina kull sena b’xejn. Imma mbagħad ngħid, jien minn jien, biex nista’ nifhem din l-intelligenza kollha endemika tal-politikant Malti! Dan huwa onorevoli u intelliġenti, magħżul minn nies biex imexxina. U jien f’hiex nifhem fil-politika, fin-negozju taż-żejt, fil-magni, u fix-xogħol, imma għandi biss interessi soċjali u ambjentali?

aebaldacchino@gmail.com

alfredbaldacchino.wordpress.com

 

Ara wkoll/see also:

http://wp.me/pL6Mk-FB

http://wp.me/pL6Mk-ag

http://wp.me/pL6Mk-5f

http://wp.me/sL6Mk-water

 

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: