Qalu li jridu jsalvaw lid­-dinja


NewsBook

Qalu li jridu jsalvaw lid­-dinja

It-Tnejn, 26 ta’ Mejju, 2014.

 Alfred E. Baldacchino

Meta nisma’ kliem bħal dan iweġġgħani. Xi wħud jistgħu jkunu maħsuda meta jsimgħuni ngħid hekk. Imma dan jurini li l­bniedem jaħseb li l­-ekosistema qiegħda taħt il­-kontrol tiegħu u tiddependi minnu. U jaħseb li din jista’ jsalvaha.

Nafu bil­-mod kif il-bniedem qed jisfrutta din l-ekosistema li huwa parti minnha, għalkemm dan ma jammettihx. L-impatt tal-attività tiegħu fuq l-arja, fuq l-art u fuq l-ilma u fuq il-ħlejjaq li jaqsmu din il-pjaneta magħna naħseb li kulhadd jaf bihom.

Biex jgħix aħjar, dejjem kif jgħidulna, nużaw kull tip ta’ kimika u dak li ma jkollniex bżonnu aktar, nitfgħuh jew fl-arja, fl-art jew anki fl-ilma, kemm ilma baħar kif ukoll ilma ħelu. It-tniġġiż li jseħħ minn dan l-iskart mhux ta’ taħbil ir-ras għall-bniedem. Dan isir mingħajr kontrol, mingħajr qies, mingħajr kuxjenza, u ħafna drabi anki kontra xi regolamenti li l-bniedem ikun għamel huwa stess. Il-bniedem jaħseb li meta dawn jarmihom u ma jarahomx aktar, allura ħeles minn skart li jkun qed idejqu, anki jekk dan ikun tossiku.

id-dinja

Skart tossiku, fuq l-art, fil-baħar u anki fl-arja.

Ir-riżorsi tad-dinja qatt ma kienu daqshekk sfruttati u esplojtati. Il-ġirja għall-konsumiżmu u għall-materjaliżmu saru l-għan ewlieni tal-ħajja tal-bniedem tal-lum.

Anki l-ħlejjaq li jaqsmu din l-art magħna u li fuqhom tiddependi l-ħajja tal-bniedem fis-sistema ekoloġika lanqas ma jeħilsuha ħafif, kemm jekk din il-hajja tikkonsisti fi pjanti jew f’annimali. Il-bniedem joqtol għall-gost għax jaħseb li għandu dritt, jew biex juri s-superjorità tiegħu fuq ħlejjaq li huwa jqis li huma anqas minnu. Jaħtaf u jeqred dawk il-ħlejjaq li jaħseb li qed ifixkluh fil-mixja ta’ rgħiba bla qies għall-matrjaliżmu.

earth

L-ilma sfruttat, espojtat u velenat

Illum naraw ukoll kif il-bniedem qiegħed ibagħbas l-għaġna ġenetika tal-ħlejjaq (GMOs) biex kif jgħidulna, ikun jista’ jgħix aħjar u jitma l-ħluq madwar id-dinja. Wasal biex jikkoreġi dak li ħalaq il-Ħallieq, għax dawn mhumiex tajbin biżżejjed. Imma ma għandniex xi ngħidu li dawn iħallu qliegħ imdaqqas.

 

Tbagħbis mal-għaġna ġenetika (GMOs) biex kif jgħidu jinqata' l-ġuh mid-dinja, imma bl-għan ewlieni li xi ħadd jistagħna.

Tbagħbis mal-għaġna ġenetika (GMOs) biex kif jgħidu jinqata’ l-ġuh mid-dinja, imma bl-għan ewlieni li xi ħadd jistagħna.

 

 

U l-mexxejja tal-entitajiet soċjali tad-dinja, mhux talli ma jippruvawx iwaqqfu din il-ġirja suwiċidali, imma jkomplu jrewħula, għax b’hekk biss jistgħu jkomplu jogħxew fil-poter. Arahom jiftaħru bil-progress li qed jagħmel il-bniedem u ħallihom jiftaħru biss biċ-ċifri ta’ qligħ, kummerċ u flus. L-impatt u l-prezz moħbi tħallsu l-ekosistema u l-impatt ta’ dan tħallsu s-soċjeta, jigifieri l-bnedmin li jgħixu fid-dinja. Bilkemm wieħed jista’ jitkellem fuqhom, anzi dawk li jagħmlu hekk fl-interess tal-ħajja fuq din il-pjaneta jiġu mgħajjra fundamentalisti jew ġakbini għax jeħduha kontra t-tmexxija politika mgħammda.

canstock8171004

Flus, flus, flus… l-ewwel u qabel kollox

Nistħajjel lil xi ħadd jistaqsi: imma allura għaliex tiddejjaq u tweġġa’ meta tisma’ lil min jgħid li hemm bżonn insalvaw id-dinja meta taf b’dan l-eġoiżmu li tant qed jagħmel ħsara lill-ekosistema.

Id-dinja ma għandha bżonn lil ħadd biex isalvaha. Lanqas lil dik l-ispeċi l-aktar intelliġenti jew li taħseb li hija l-aktar intelliġenti. Is-sistema ekoloġika hija bilanċ dinamiku u tirranġa kull theddida waħedha, mingħajr għajnuna ta’ ħadd. Veru li dan il-bilanċ jista’ jitkisser u jsir aktar diffiċli biex jitranġa fi żmien qasir. Imma ż-żmien għall-ekosistema mhux importanti.

Naħseb li llum kulħadd sema bid-dinosawri. Rettili kbar u b’saħħithom li anki meta tħares lejhom impinġijin ukoll inisslu biża’. Kienu jiddominaw id-dinja, imma kienu wkoll jiddependu fuq l-ekosistema. Bħal bniedem tal-lum eżatt. Dan illum jiddomina d-dinja u anki jnissel biża’ bl-armi tal-qerda tal-massa, u dawk eletroniċi li għandu u li fassal. Agħti ħarsa madwar id-dinja ħalli tara kif il-bniedem jilgħab b’armi qerrieda, armi kimiċi li l-għan ewlieni tagħhom huwa l-qerda tal-ħajja, kemm dik tal-bniedem stess kif ukoll ta’ kull ħajja oħra li taqsam din il-pjaneta magħna. Imma anki l-bniedem, bħad-dinosawri jiddependi mija fil-mija fuq l-ekosistema li tħaddan din il-pjaneta tagħna.

 

Ġirja fuq il-passi tad-dinosawri

Ġirja fuq il-passi tad-dinosawri

Meta l-iżbilanċ f’din l-ekosistema jiżdied, din tieħu l-passi meħtieġa. U mhux sejra toqgħod tħares la lejn l-uċuh u lanqss lejn l-intelligenza jew nuqqas tagħha, biex is-sistema ekoloġika terġa tikseb il-bilanċ dimaniku tagħha. U għalhekk il-bniedem ma għandux għalfejn jinkwieta biex isalva d-dinja. Din issalva ruħha waħedha, meta u xħin ikun il-waqt, anki jekk ma jkunx irid il-bniedem. Għalhekk il-bniedem għandu jinkwieta biss biex isalva lilu n­nifsu.

Fi żmien 100,000 sena l-ħlejjaq jerġgħu jiġu f’tagħhom bl-armonija bejn il-ħajja mifruxa madwar il-pjaneta, mingħajr ebda speċi li taħseb li hija l-aktar intelliġenti li taħseb li l-kontrol huwa f’idejha. U fi ftit miljuni ta’ snin il-bilanċ dinanimku jerġa jsib l-armonja perfetta. Għall-ekosistema dawn il-miljuni ta’ snin huma biss tebqa t’għajn.

U l-bniedem, l-ispeċi li tgħid li hija l-aktar intelliġenti fuq din il-pjaneta, bil-materjaliżmu kollu li tkun kiseb, bil-flus li jkun ġemmgħa, bil-bini majestuż u kbir li jkun tella’, bit-teknologija u bl-armi nukleari u kimiċi li jkun fassal, bil-kisbiet kbar li jkun għamel, l­-ispeċi waħdanija li tista’ teħodha kontra minn ħalaqha, tkun wasslet ukoll biex qerdet lilha n­nifisha.

U l-armonija f’din il-pjaneta terġa’ sseħħ u ssib il-bilanċ naturali tagħha, mingħajr l-ispeċi li kienet taħseb li kienet l-aktar waħda intelliġenti u l-aktar b’saħħita u li ma kinetx kapaċi ssalva lilha nnifisha minħabba l-kilba egoista.

downward-walk

Mixja mgħammda li qed twassal il-bniedem sal-qiegħ ta’ qabru.

 

aebaldacchino@gmail.com

 

Advertisements

2 Responses to Qalu li jridu jsalvaw lid­-dinja

  1. Artiklu tajjeb!
    Il-bniedem holoq ekonomija li tiddependi principalment fuq il-konsumizmu. Dana jixhdu l-fatt li l-mexxejja tad-dinja jaqbadhom paniku meta l-konsum ta’ rizorsi jonqos. Donnu ghandhom genn li jaraw ir-rizorsi tad-dinja jispiccaw. Imma mbaghad x’jaghmlu?

  2. F’din id-dinja taghna hemm ikel ghal kulhadd izda fir-realta tal-gurnata 25.000 imutu kuljum bil-guh. Donnu kulhadd iqis qiesu u qajla jimpurtah mill-batut. Forsi wiehed jghati donazzjoni zghira biex itaffi l-kuxjenza. Is-sens kollettiv spicca waqt li jirrenja l-individwalizmu. L-imhabba keshet u r-rispett lejn xulxin u lejn in-natura jinsabu f’livell baxx. Aktar minhekk dawk fir-responsabilita mhedijin jimlew bwiethom. Tghid ghad fadal tama li l-bniedem jirrikorri ghal-sensieh?

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: