L-­ISPEĊI INVAŻIVI… u l­-Mepa


NewsBook

It-Tnejn, 14 ta’ April, 2014

L-­ISPEĊI INVAŻIVI… u l­-Mepa

 Alfred E. Baldacchino

  F’kumment ieħor rajna kif is­-siġra tal­-Akaċja tal-Ħarir, jew Albizia tista’ jkollha impatt ferm negattiv fuq il­-biodiversità Maltija. Dan minkejja l-­linji gwida fil-­pubblikazzjonijiet kollha tal-MEPA. Pjanta oħra li ddaħħlet f’pajjiżna u qed tagħmel il-­ħsara hija l-­Pjuma, jew Peniżetum (Penisetum setaceum) li matul dawn l­-aħħar snin tħawlet bi kwantità fit-toroq wara li ġiet importata minn barra. Wieħed jista’ jaraha fid­-dwawar fit­-toroq (roundabouts ­- ftit hemm minnhom  fejn ma ssibhiex) u f’kull roqgħa art matul it-toroq prinċipali. Quddiem il-Knisja ta’ San Lawrenz fil-Birgu hemm medda twila mhux ħażin minnha.

Il-Peniżetum jikber fil-Birgu.

Il-Peniżetum jikber il-Birgu.

Din il-pjanta tikber f’pajjiżi li ma għandhomx xitwa kiefra, u ma tiddejjaq xejn tikber fid-dell. Tant hija b’saħħitha li anki jekk tinħaraq tikber b’aktar ħerqa. In­-nar jgħinha biex tikkompeti ma’ pjanti indiġeni u tbiddel l-ekoloġija tal-post, tfaqqar l-ambjent mill-ispeċi indiġeni, tbiddel l­-ekoloġija tal-ħamrija, u anki tbiddel il-kompożizzjoni tal­-fawna u n­-numru tagħhom. Il-Peniżetum jew il­-Pjuma tkun bil-fjuri kważi s-sena kollha. Hija tista’ tgħix għal madwar 20 sena. Iż­-żerriegħa tagħha tinfirex bir-riħ, bil­-karozzi, permess tal-bniedem, bl­-ilma, bl-annimali li jġorruha meta teħel mal-pil tagħhom, u anki bil-għajnuna tal-għasafar. Il-karozzi u l-annimali jistgħu jeħduha distanzi twal.

Il-karozzi jgħinu biex iż-żerriegħa tal-Peniżetum tinferrex 'l bogħod fil-madwar

Il-karozzi jgħinu biex iż-żerriegħa tal-Peniżetum titferrex ‘l bogħod fil-madwar

Iż-żerriegħa tal­-Peniżetum tikber fejn hemm biżżejjed umdità u b’hekk mill-ewwel tiksi nħawi imqallba fejn ma jkunx hemm xita spissa. Hija tadatta malajr għall-ambjenti differenti.

Il-Peniżetum tikber kull fejn issib ftit umdità

Il-Peniżetum tikber kull fejn issib ftit umdità.

Din hija pjanta indiġena tal-Afrika u l-Lvant Nofsani. Fil­-pajjiżi fejn hija indiġena tikber f’ambjent nieqes mill-ilma. Infatti f’pajjiżha hija aktar rari milli fil-partijiet oħra tad­-dinja fejn ġiet imdaħħla u fejn invadiet. L-inħawi li tinvadi, fost oħrajn, jinkludu ambjenti naturali u mħarbta, għaram ramel, mal-ġnub tat­-toroq, f’kull xaqq fil-blat jew taħt il­-bankini. Biex namluhiela aktar faċli hawn Malta, fid­-dwawar fit-toroq u partijiet oħra fit-toroq inbexxuha bl­-ilma. Naturalment iħallas il­-poplu u l-ambjent.

Il-viżjoni pollitika u uffiċjali tal-MEPA

Il-viżjoni politika u uffiċjali tal-MEPA. U l-poplu u l-ambjent iħallsu.

Kif rajna f’artikli oħra, il-MEPA hija l-Awtorità Kompetenti responsabbli, għall-anqas fuq il-karta, biex tara, fost oħrajn, li l­biodiversità ta’ pajjiżna tkun imħarsa. F’wieħed mill-pubblikazzjonijiet tagħha l­-MEPA tgħid litagħraf il-fatt li l­-pjanti ornamentali huma magħrufa bħala r-raġuni ewlenija tal-pjanti invażivi fil-gżejjer Maltin. U għalhekk wieħed għandu jara li qabel ma jintroduċi speċi ġodda fil­-villaggi, bliet jew inkella jħawwilhom fuq skala kbira, wieħed għandu jikkonsulta l-linja gwida tal­-MEPA. Il-pubblikazzjoni tal-MEPA jgħidu li l­-firxa ta’ dawn l-ispeċi nvażivi qed tkun ta’ tħassib ambjentali. Tant illi huwa aċċetat li l-ewwel pass huwa li titwaqqaf id-dħul ta’ speċi invażivi. Iżda hemm bżonn li tittieħed azzjoni minħabba li l­-firxa  u l-impatti ta’ dawn l-ispeċi invażivi qed timmina sforzi għaddejjin biex tiġi mħarsa l­-biodiversità tal-gżejjer Maltin, tgħid il-MEPA! Tgħid ukoll li speċi ġodda qed jagħmlu ħsara kbira fl­-ambjent tagħna, kif ukoll huma ta’ tħassib għal Malta.

Ir-riżultat tal-użu ta' pjanti invażivi mingħajr ebda ħsieb ħlief dak ta' qligħ ta' flus.

Ir-riżultat tal-użu ta’ pjanti invażivi mingħajr ebda ħsieb ħlief dak ta’ qligħ ta’ flus.

Mill-kliem għall-fatti hemm baħar jikkumbatti jgħid il­-Malti. Il-MEPA hija magħrufa li qatt ma kellha qalbha taħraq għall-ħarsien tal-ambjent. U wara li d-dipartiment tal­-ambjent fl­-2002 tqiegħed f’ħoġorha, mill-ewwel ħakmithu, libsithu sarima, u għamlithu s­-Sindirella tagħha. Illum dan jinstab orfni fil-limbu tal­-MEPA. U llum il­-MEPA qed tistenna bil­-ħerqa kollha biex l-ambjent jitneħha minn ħdanha għax taħseb li hekk ma tħossx aktar il-piż tal-qerda tal-ambjent tal-gżejjer Maltin li hija qed tħalli jsir. Jekk wieħed iħares lejn il-proposti tagħha għall­-bdil fil-politika tal-ODZ (Żvilupp fiż­-Żoni barra l-Iżvilupp), dawk tal-iSPED (Pjan Strutturali għall-Ambjent u l-Iżvilupp), il-proposti għat­-twaqqif tal-Awtorità għall­-Iżvilupp tal-Ippjanar, u deċiżjonijiet meħuda mill­-MEPA, bħal fost ħafna oħra, ngħidu aħna d­-deċiżjoni tal-bini taċ­-ċimiterju tan-Nadur f’Għawdex, u l­-permessi tal-bini mostruż fil­-Mistra bl­-impatt ta’ ħsara kbira soċjali u ambjentali, wieħed jara kif u kemm il­-MEPA falliet fil-qadi ta’ dmirijietha lejn il­-ħarsien tal­-ambjent ekoloġiku u lejn is-soċjetà Maltija. Dan minkejja li l-poplu qed iħallasha biex tħarislu l­-ambjent tiegħu. Ara x’ġej meta ssir Awtorità tal­-Ippjanar tal-Iżvilupp! Sfortunatament l­-ambjent xejn ma hu fuq quddiem fuq l­-agenda politika tal­-partiti. Dan jidher ukoll mill­-fatt li llum l-hekk imsejjaħ landscaping li hija attività b’impatt kbir fuq il-biodiversità, qiegħed taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tat-Transport u l-Infrastruttura. U dan, mingħajr l­-għajnuna professjonali fil-qasam tal-biodiversità, u bil-MEPA ma tara, ma tisma’, u ma tgħid xejn, il-Ministeru japprova dan kollu, u l-poplu u l­-ambjent iħallsu.

Iż-żerriegħa tal-Peniżetum lesta biex tissiefaħ 'l bogħod u tikber fejn taqa' - dejjem bil-barka tal-MEPA

Iż-żerriegħa tal-Peniżetum lesta biex tissiefaħ ‘l bogħod u tikber fejn taqa’ – dejjem bil-barka tal-MEPA.

Huwa għalhekk li kull darba li ngħaddi mit-toroq fejn ikun hemm il­-Peniżetum tikber (fost pjanti invażivi oħrajn), kemm fid­-dwawar fit-toroq, kif ukoll taħt il-bankini, xagħri, wesgħat imqallba u postijiet oħra fejn ħarbet, inkompli nsaħħaħ il­-fehma tiegħi li l-MEPA falliet bis-sħiħ. U ma għandniex xi ngħidu l­-falliment tal-MEPA jkaxkar miegħu l­-falliment tal-politikanti responsabbli minnha. Dan minkejja liġijiet Maltin u dawk internazzjonali, inklużi dawk tal­-Unjoni Ewropea. Dan sejjer jagħmilna l­-aħjar fl-Ewropa għal mod kif niġu naqgħu u nqumu mill­-obbligj u viżjoni tal-ħarsien tal-ambjent u l-impatt soċjali. U filwaqt li kulħadd jgħajjat bid­-drittijiet tal-minoranzi, mid­-dehra il­-maġġoranza ma għandha l­-ebda dritt. Bla dubju Malta hija tagħna lkoll, imma nħoss li l­-viżjoni soċjali u ambjentali qiegħdin taħt muntanja ta’ flus. Illum naraw li huma l-ftit li qed jiddettaw u jistagħnaw għas-spejjeż tal-ħafna. Bħalma qed jagħmlu l­-ispeċi invażivi li qed jerdgħu kull roqgħa ta’ pajjiżna, bil-barka tal­-MEPA.

 

aebaldacchino@gmail.com  

Advertisements

6 Responses to L-­ISPEĊI INVAŻIVI… u l­-Mepa

  1. gaucivincent says:

    Jiena ma nkunx kuntent meta jingħad li d-direttorat tal-Ambjent se jingħaqad ma’ dak jew dik id-direttorat, imma meta nara li l-Ambjent qed jiġi mħares b’mod effettiv, bħal ngħidu aħna li qed titieħed azzjoni (mhux paroli) kontra d-dħul f’Malta ta’ speci aljeni u nvażivi.

    • Naqbel miegħek Vince. Kif taf tant tajjeb l-ambjent fi ħdan l-awtorità tal-ippjanar kien jitqies bħala xkiel għall-ippjanar. U aktar ma għadda żmien aktar safa mwarrab. Infatti matul din l-aħħar sena il-MEPA bil-kemm semmietu darba. Ma għandha l-ebda intress fil-ħarsien tal-ambejnt. U ma naħsebx li direttorat f’din is-sitwazzjoi jista’ xi drba jaħdem b’mod professjonali bil-bsaten fir-rota gejjin minn kull naħa u minn kullimkien.

  2. Anna says:

    Il bord tal Mepa rrid jkollu 50% ta rappresentati minn naha ta l-ambjent. Kif qeda issa..(u kif kienet qabel wkoll)..vuci wahda, vot wiehed ma jista qatt jghamel xejn! La ma hemm ebda nterress minn fuq, l-azzjoni ghandha tigi minnha, u mhux kulhadd jistenna il bajtra taqa f’halqu u biss jgerger!

    • Naqbel miegħek perfettament. Għalhekk hija farsa meta jingħad li l-Għaqdiet Ambjentali huma rapreżentati fuq il-Bord tal-MEPA. U dan juri ħaġa waħda biss: li l-kliem favur l-ambjent huma biss konvenjenza u mhux konvinżjoni.

  3. Jidher bic car li sakemm ikun hemm indhil politiku gej min fejn gej il- progress jinsab imminacjat . Hemm interessi personali u qajla jinpurthom mil- ambjent . Il- Mepa hija maqtuha min nies u tqies lilha infisha bhala imperatur. F’sistema fejn Poplu jghati dritt ta’ governanza u jigi injurat tinholoq demokrazija abbuzata .

  4. B J Farrugia says:

    This particular grass terrifies me when I think of the damage it could inflict

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: