La Valette imlibbes ta’ Ċikku l-Poplu


Alfred E. Baldacchino  –  30/10/2013 15:18

Meta smajt bl-­aħbar li l­-monument ta’ La Valette ġie mlibbes ilbies kontemporanju għidt bejni u bejn ruħi li dan kien l­-għaġir ta’ xi erba’ bħal dawk li żebgħu il-­graffiti ma’ ġenb id­-daħla ta’ fejn darba kien hemm Bieb il­-Belt biex juru l­kultura kontemporanja. Imma meta qrajt li din kienet parti mill-­attività uffiċjali biex wieħed setà jifhem aħjar il­-kultura kontemporanja, allura ħassejtni mifxul. Aktar u aktar meta fuq il-­mezzi tax­-xandir rajt filmat ta’ La Valette imlibbes b’dan il­-mod u erba’ żagħżagħ jaqbżu quddiemu fuq injama b’erba’ roti jesprimu l­hekk imsejħa kultura kontemporanja.

Għalxejn ippruvajt insib tarf ta’ din il­-kobba. Imma m’għandix dubju li dawn ma tantx juru rispett nazzjonali lejn l­-istorja u l-­kultura ta’ pajjiżna, kif qaluli numru ta’ nies li tkellmu miegħi fuq hekk.

Fit-­taqbida li kelli biex forsi nsib tarf staqsejt lili nnifsi: min jaf kieku wieħed, mit­-tliet monumenti li hemm Kastilja, faċċata tal­-Ufiċċju tal-Prim Ministru, jitlibbes b’dan l­-istil b’rabta mal­-kultura kontemporanja? M’għandix dubju li kieku l­-ammont ta’ bozoz ħomor u blu li kienu jixgħelu mhux biss kienu jdawlu din il-­pjazza imma kienu jiddu u jagħtu s-­sehem tagħhom lill-belt kollha fl-­okkazzjoni ta’ din il-­lejla kulturali kontemporanja!

Ippruvajt inpoġġi ruħi fiż-­żarbun ta’ La Valette, imlilbbes kif kien metru ’l fuq mill-­art. Żgur kont nara t­-teatru fi stat dilapidat kif ilu sa mill­-1942. Imma ma kontx inkun nista’ nara kif il­-bieb ta’ din il-­belt famuża mad-­dinja kollha ġie mibdul f’xaqq. Ma kontx inkun nista’ nara s-­selħa li darba saret taħt il-­barrakka biex saret triq iddur mal-­Belt, u lanqas ma kont nista’ nara s­-selħa l-­oħra li darba saret f’San Ġwann t’Għuxa, Bormla. Tgħid forsi anki din hija parti mill-­kultural kontemporanja? Ma għandniex xi ngħidu ma kontx nista’ ma narax dik il-­kaxxa twila twila, bit­-twieqi forma ta’ persjani tal-­ġebel biex ma jgħammxux l­-għajnejn il­-mexxejja poliltikanti li għada pitgħada, kif intqal, minn hemm ser ikomplu jfasslu l­-istorja ta’ dan il-­pajjiż u jibnu, wieħed jifhem u jittama’ fuq l­-istorja tal­-passat, fuq il­-kultura nazzjonali, u fuq is-­sens komun. Hekk naħseb jien għall-­anqas.

Komplejt nitħawwad meta smajt fuq wieħed mill­-istazzjonijiet tat­-TV Maltin li fil-­passat ma kinetx tkun xi sagrileġġ kieku s­-swar kellhom jitwaqqgħu jew jinstelħu biex jagħmlu triq jew fetħa. Daqslikieku ma kien ikun hemm l­-ebda tniggiż ta’ ebda kuxjenza jekk isir xi kunċert bil-­mużika kontemporanja u bir-­raġġi lażer jiżfnu ma’ kull rokna ġewwa l­Konkatidral ta’ San Ġwann.

Intqal ukoll li l­-Ingliżi ma waqqgħux is-­swar għax ma kellhomx flus biżżejjed! Fil­-kotba storiċi li naf bihom jien, l-­Ingliżi sewwew is­-swar ta’ San Ġwann f’Għajn Dwieli fl-­1950 mill-­ħsara li kellhom u ħolqu mini taħtu flok għamlu selħa. U ma għamlux xaqq fis-­swar flok Bieb il­-Belt, imma fl-­1853 biddlu l-­bieb. Lanqas ma għamlu selha fis­-swar tal-­Belt imma fl-­1885 kabbru Victoria Gate. U lanqas ma waqqgħu Bieb il-­Bombi imma fl-­1868 kabbru l­-bieb b’ieħor ħdejh, għall­-kumdità tal-­poplu. Imbagħad illum issib min jgħidlek li siġra li tikber ma’ ġenb is-­swar tnaqqsilhom mill-­kobor u l-­majestà tagħhom, imma xaqq flok bieb ma jimpurtax. U tgħid din hija parti mill-­kultura komtemporanja wkoll?

Li jbeżżagħni ħafna huwa n­-nuqqas ta’ rispett dejjem jikber, tal-apprezzament u tal­-għarfien lejn il-­kobor li pajjiżna huwa mogħni bih. U dan mhux biss jidher, jinħass u jsawtek bil­-ħarta, bil-­qerda ta’ ħajja naturali ta’ pajjiżna għal raġunijiet ta’ qligħ ta’ flus u raġunijiet oħra egoistiċi, imma anki n-­nuqqas ta’ rispett għalina stess, għall­-ħajja tagħna tal-­lum, biex ma nsemmix dik tal-­ġenerazzjoni ta’ għada li silfuna dan il­-wirt kollu.

Sirna nirranġunaw: il­-bieraħ min jafu, għada min raħ. Illum naħtfu u niffangaw hekk kif jisbaħ. U hemm fejn dan ukoll xi minn daqqiet għandu l­-barka tal-­mexxejja poliltiċi għal­ raġunijiet li jifhmuhom huma biss. Aktar ma nipprova nifhem lill-­mexxejja politikanti, aktar qed inħoss li mhux sejjer jirnexxili nagħmel dan, għalkemm nifhem kif ir­-riżultat tad­-deċiżjonijiet tagħhom iħallas għalihom il-­poplu u l­-ambjent. Tgħid din tista’ tkun waħda mir-­raġunijiet psikoloġiċi għaliex il­-poplu jlibbes lill-­mexxej tal-­passat bi lbies kontemporanju?

Forsi xi ħadd jgħid li jien ma nifhimx fil-­kultura kontemporanja, imma jekk b’kultura kontemporanji wieħed jifhem dak li għidt hawn fuq, mhux biss ma rridx nifhimha, imma lanqas biss nixtieq li nkun parti minnha jew li jkolli x’naqsam magħha.

Filwaqt li l-­istoriċi u r-­riċerkaturi jilletikaw, ifittxu u jqallbu l­-manuskritti u d­-dokumenti mgħobbija bl­-għabra biex jaraw jekk il-­Gran Mastru li bena l­-Belt Valletta kienx jiffirma la Valette jew de la Valette, il­-mexxejja tal-­lum f’isem il­kultura kontemporanja semmewh u libbsuh ta’ Ċikku l-Poplu.

Alfred E. Baldacchino

Advertisements

2 Responses to La Valette imlibbes ta’ Ċikku l-Poplu

  1. gaucivincent says:

    U xi ngħidu għall-ħażna tal-ilma ħelu ta’ madwar biljun u nofs metru kubu li tatna n-natura. Dan hu wkoll wirt ta’ dan il-poplu u li qed jitħalla jiġi mniġġes u jiġi skartat, u minn flok qed nonfqu l-flus u nniġġsu l-arja biex nagħmlu l-ilma ħelu mill-ilma baħar.

    • Il-Kultura kontemporanja li llum tgħix fil-‘ġid materjali’ imma xejn ġid intelletwali, ma tgħatix prezz ekonokiku lill-ilma li tatna b’xejn in-natura, tant li dak tal-pjan tirreferi għalih bhal ilma ta’ sekonda klassi. U mhux talli hekk talli b’madwar 50 miljun Euro tħaffer mini taħt l-art mhux biex taħznu, imma biex tixkupah il-baħar. Tara l-kobor tal-intelliġenza (jew nuqqas tgħha) ta’ xi politikanti.
      U meta l-ilma tad-drenaġġ jissaffa, l-intelliġenza politika ukoll tarmih il-baħar għaliex dan ‘ma għandux valur ekonomiku’ mhux bħaż-żejt. U wara dan l-ilma mormi l-baħar jerġa jittella ftit metri ‘l bogħod biex jerġa jissaffa u jinġab lura fil-vit fid-djar tagħna. Ma għandniex xi ngħidu li biex isir dan tintuża ħafna enerġija bil-ħruq taż-żejt li nħallsu int u jien kif ukoll il-poplu Malti. Qed tara kemm għandu valur ekonomiku… iż-żejt.
      Imma għidli l-verità m’intix kburi li qed tgħix f’din il-kultura kontempanja? Ara x’kummerċ qed jiġġenera l-poplu! X’ma nniżżlux lil La Valette fil-livell ta’ Ċikku l-Poplu. Ara kieku aħna tlajna fil-livell tiegħu kemm il-pajjiż ikun aktar qed jgħix f’kultural elevata.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: