Prezz qares li jkollna nħallsu jekk neqirdu n-naħal


orizzont

It-Tnejn, 2 ta’ Settembru, 2013

Prezz qares li jkollna nħallsu jekk neqirdu n-naħal

minn Melvin Farrugia

 

L-IMPORTANZA tan-naħal fir-rigward tal-produzzjoni tal-frott hi waħda kbira iżda ħafna drabi l-bniedem mhux qed jirrealizza dan u b’egoiżmu qed ibexx is-siġar, fil-ġirja biex dejjem jikseb aktar frott u l-qligħ minnu. Dan il-prezz għandu konsegwenza fuq in-naħal u fuq l-ambjent. MELVIN FARRUGIA tkellem mal-ekoloġista ALFRED E. BALDACCHINO biex nifhmu aktar dwar il-kwistjoni u x’inhuma n-nuqqasijiet li jistgħu jwasslu għall-qerda ta’ eko-sistema tant importanti.

aeb
L-ewwel nett staqsejna lil Baldacchino dwar l-importanza li għandhom in-naħal b’rabta mas-siġar u l-frott. L-ekoloġista spjega li dawn għandhom valur importantissimu hekk kif inhuma meqjusin bħala ‘pollinators’, jiġifieri wieħed minn dawk l-insetti li jdakkru l-fjuri.
Spjega kif meta n-naħal jidħlu biex jieħdu l-­għasel tal-fjura, huma jiċċappsu bil-pollen jew inkella t-trab tad-dakkra, u meta jmorru fuq fjura oħra u jidħlu biex jieħdu l-għasel mill-fjura, dak it-trab jeħel fil-fjura l-oħra u b’hekk tiġi ffertilizzata.
Qal ukoll li skont tagħrif li qara dwaru jirriżulta li xehda naħal iddakkar mat-tliet miljun fjura kuljum, peress li n-naħal imorru minn fuq fjura għal oħra.

Insetti li jdakkru l-fjuri

Insetti li jdakkru l-fjuri

Alfred E. Baldacchino qal li n-naħal, flimkien ma’ insetti oħrajn, huma l-aktar li jispikkaw f’dan ix-xogħol hekk kif skont studju tal-Unjoni Ewropea, huma jdakkru mat-80% tal-frott u l-ħxejjex fis-suq agrikolu. Qal li b’hekk dawn l-insetti jikkontribwixxu għal €150 biljun għall-ekonomija agrikola fis-sena.
Il-problema, skont dan l-ekoloġista, hi li llum il-bnie­dem qiegħed ifittex biex jagħmel il-qligħ malajr u biex jilħaq dan il-għan qed jipproduċi l-kimika li jbexx biha l-għelieqi. Spjega kif l-għan ta’ din il-kimika hu li telimina dawk l-insetti, annimali u ħlejjaq oħrajn li jkunu fuq l-għelieqi u li ma jgħinux biex jitkabbar il-prodott. Qal ukoll li nkella tintuża biex jiġu eliminati pjanti oħrajn, imsejħin bħala ‘ħaxix ħażin’, għax għall-bniedem ma jkollhom ebda valur kif jarahom hu.
Għaldaqstant, hu qal li l-bexx hu magħmul apposta biex jeqred dawk l-affarijiet li jistgħu jagħmlu ħsara ekonomika lill-bniedem u spjega li jekk ikollu ma jintużax il-bexx, allura l-prodott li jinħasad jaf ikun inqas u allura jkun inqas ukoll il-qligħ.
Għalhekk, Baldacchino spjega li l-għan primarju tal-bexx hu biex ma jsirx telf ekonomiku. Minkejja dan, qal li meta tintefa’ din il-kimika, il-proċess ma jkunx

Jekk wieħed iħares kif inhu mgeżwer min qed ibexx wieħed malajr jinduna l-qerda li dan jagħmel fuq il-flora u l-fawna li jiġu f'kuntatt miegħu.

Jekk wieħed iħares kif inhu mgeżwer min qed ibexx wieħed malajr jinduna l-qerda li dan jagħmel fuq il-flora u l-fawna li jiġu f’kuntatt miegħu.

wieħed selettiv u kulma jmiss magħha jmut. Qal ukoll li dan tant jagħmel ħsara, li anke l-bniedem jekk ibexx u jieħu n-nifs tal-kimika fina, taf taffettwah ħażin f’ġismu. Sostna li din tista’ twassal ukoll għall-kanċer hekk kif inhi kimika velenuża.
Dwar il-proċess meta jingħata l-bexx, l-ekoloġista qal li l-insetti kollha li jiġu f’kuntatt ma’ din il-kimika jmutu u għalhekk in-naħal li jmorru jdakkru l-fjuri ta’ dawn il-pjanti jispiċċaw mejtin jekk jiġu f’kuntatt magħha. Fil-fatt, qal li jkun hemm uħud minnhom li lanqas jilħqu jaslu lura lejn ix-xehda. Barra minn hekk, fiehem li n-naħal jieklu t-trab tad-dakkra, u jitimgħu bih liż-żgħar tagħhom (duqqajs) ukoll. Qal li dan it-trab ikun qiegħed imċappas b’din il-kimika tossika u meta jikluh iż-żgħar jivvelenaw lilhom infushom b’din il-kimika.
Baldacchino semmielna studju li sar fl-Istati Uniti, fejn qal li nstab li ċertu ‘pollen’ li kien qed jinġabar min-naħal f’ċerta nħawi, kien fih ma’ 21 tip ta’ kimika differenti li tintuża fil-bexx. Qal ukoll li fl-istess rapport kienet ħarġet konklużjoni li dan il-fattur qed jikkaġuna speċi ta’ fenomenu msejjaħ colony collapse disorder fejn kolonja tan-naħal tmut f’daqqa kollha kemm hi. Kompla jispjega li fix-xitwa ta’ bejn l-2012 u l-2013 intilfu 31% tax-xehdi tan-naħal u fi stat wieħed intilfu 60% minn dawn ix-xehdi. Qal ukoll li mill-istudji qegħdin jaslu għall-konklużjonijiet li l-bexx u l-kimika li jkollu, il-mod kif in-naħal idakkar u kif jiekol it-trab tad-dakkra huma l-mod kif il-kolonja qiegħda tisparixxi f’daqqa.

bee-dead-2Barra minn hekk, qal li sabu li ċerta naħal li kienu qegħdin jirgħu fuq fjuri slavaġ u mhux imbexxin xorta waħda kellhom l-effett tal-kimika fil-bexx. Spjega dan billi qal li l-kimika tant kemm hi fina li tinfirex b’naqra riħ.

Għaldaqstant, Baldacchino qal li wieħed jistaqsi jekk din il-miżura hix waħda għaqlija, li biex iżżid il-qligħ mill-prodott jingħata l-bexx, b’tali mod li

bee-dead-1qiegħed joqtol eko-sistema li hi imprezzabbli. Staqsa wkoll li kieku m’hawnx in-naħal biex idakkru l-fjuri, min kien se jdakkarhom? Mistoqsi dwar il-fatt li jekk ma titfax bexx allura jkun hemm annimali li jattakkawlek il-prodott, Baldacchino qal li l-bexx hu soluzzjoni għal żmien qasir, li l-bniedem qed juża għax tant miexi ħajja mgħaġġla li mhux lest li jistenna. Minkejja dan, qal li wieħed irid jistaqsi jekk dan ix-xogħol hux wieħed sostenibbli. Staqsa jekk jagħmilx sens li biex iddaħħal aktar flus għax tbexx, fit-tul qiegħed tkisser sistema ekoloġika li l-valur u x-xogħol tagħha huma tant prezzjużi. Semma wkoll kif meta n-naħal idakkar, dan ma jżommilniex flus u qal li meta qegħdin neqirdu n-naħal qegħdin neqirdu sistema naturali. Barra minn hekk, semma kif inkunu qegħdin nitilfu l-għasel li jipproduċu, jiġifieri nitilfu wkoll mill-lat ekonomiku.

bee-dead-5
Saħaq li b’dan il-mod qegħ­din inpoġġu f’periklu sistema li lilna qiegħda taqdina b’xejn ħalli għal mument temporanju naqilgħu aktar flus. Staqsa jekk dan jagħmilx sens u qal li min-naħa tiegħu jħoss li dan hu egoiżmu sfaċċat li persuna taħseb li bħalissa qiegħda taqla’ l-flus, filwaqt li ma taħsibx fuq jekk il-ġenerazzjoni ta’ għada hix se tkun f’pożizzjoni li tista’ tkompli tgħix fis-sistema ta’ biodversità li ngħixu fiha llum.

Fakkar ukoll kif skont ċerti prinċipji li joħorġu mill-Konvenzjoni tad-Diversità Bioloġika li kienet saret fil-Brażil u li Malta hi msieħba fiha, jissemma li għandu jsir użu sostenibbli. Fisser li jekk dak li tkun qiegħda tagħmel din il-ġenerazzjoni, ma jippermettix lill-ġenerazzjonijiet ta’ għada li jużaw u jgħixu fl-istess ambjent ta’ biodiversità li ngħixu fiha llum, allura dan ma jkunx sostenibbli. B’din ir-rata, Baldacchino qal li qegħdin naraw li l-kwistjoni tal-bexx mhijiex sostenibbli għax qiegħda tkisser eko-sistema li mingħajrha ma ngħaddux.

L-ekoloġista fakkar kif l-istess Albert Einstein kien sostna li jekk in-naħal jinqerdu minn wiċċ id-dinja l-bniedem għandu biss erba’ snin jgħix, tant kemm hi kbira d-dipendenza tagħna fuq din l-eko-sistema fejn in-naħal idakkru. Biex jagħti eżempju, semma kif f’wieħed mir-reġjuni taċ-Ċina kien hemm ġnien bis-siġar tal-frott u wara li dawn ġew imbexxin biex jieħdu aktar frott minnu, mietu n-naħal kollha li kien hemm fil-ġnien. Biex isolvu l-problema li nqalgħet, kellhom jimpjegaw nies bil-pinzell biex joqogħdu jdakkru huma kull fjura.

Qal li dan hu r-riżultat perikoluż u l-ħsara li qed jagħmel il-bexx. Sostna li jekk in-nies ikollhom imorru biex idakkru s-siġar ma jagħmlux dan ix-xogħol b’xejn u money-1għalhekk il-prodott kieku jispara fil-prezz. Mill-aspett soċjali, Baldacchino qal li jinkwetah ħafna l-fatt li l-qligħ li qed jaqla’ min qiegħed ibexx, qed jitħallas parti minnu mis-soċjetà u mill-ambjent.
Bil-każ taċ-Ċina bħala eżempju, Baldacchino qal li jekk il-prodott ġie aktar ogħli peress li n-nies kellhom joqogħdu jdakkru, allura l-prezz mar fuq is-soċjetà u l-ħsara tal-bexx mar fuq l-ambjent. Kompla jsostni li aħna parti minn dan l-ambjent u bħalma l-annimali għandhom bżonn id-dawl tax-xemx u l-ilma nadif, aħna ma ngħaddux mingħajr l-annimali u l-ħlejjaq ta’ madwarna. Sostna li aħna parti minn din in-nisġa u mill-eko-sistema u qal li ma rridux noqogħdu naħsbu li għax aħna intelliġenti, allura l-eko-sistema se taffettwana b’mod differenti. Qal li fil-verità n-natura u l-eko-sistema lil bniedem m’għandhomx bżonnu u bih u mingħajru jibqgħu għaddejja. Saħansitra qal li probabbli tkun sitwazzjoni fejn mingħajr il-bniedem jgħaddu aħjar.

Alfred Baldacchino qal li l-bniedem għandu bżonn l-eko-sistema biex jgħix, iżda sostna li l-egoiżmu u l-ġirja għall-materjaliżmu ta’ dawn iż-żminijiet qiegħda tkisser kollox u tpoġġi l-eżistenza tal-bniedem f’periklu.

Fid-dawl ta’ dak kollu li qalilna Baldacchino, staqsej­nieh dwar x’tista’ tkun is-soluzzjoni għal din il-problema. Hu qalilna li l-eko-sistema tiddependi mill-ikel u li jekk ikun hemm inqas ikel, allura ċerta speċi ma jikbrux u ma jiżdidux, inkluż ukoll

Il-bexx joqtol ukoll insettili jagħmlul-ġid.

Il-bexx joqtol ukoll insetti li jagħmlul-ġid.

il-bniedem. Spjega kif meta aħna nikkultivaw l-uċuħ tar-raba’, aħna nkunu qegħdin inpoġġu ċerti prodotti li għal ċerta speċi ta’ annimali hu ikel. Għalhekk qal li peress li jkun hemm aktar ikel, dawn aktar jiżdiedu.

Minkejja dan, hu spjega kif f’kull eko-sistema kulħadd ikollu l-predatur tiegħu li jiżdiedu wkoll meta l-insetti li jiddependu fuqhom ikunu żdiedu. Qal li eżempju prattiku hu dak tal-barbaġann li jiekol il-ġrieden. Sostna li jekk ikun hemm mitt ġurdien, allura l-popolazzjoni tal-barbaġann hi limitata biex tgħix fuq mitt ġurdien, imma jekk dawn jiżdiedu bl-eluf allura hemm aktar x’jieklu u l-popolazzjoni tal-barbaġann tiżdied.

Saħaq li hu l-ikel li jiddetta l-popolazzjoni tal-predatur u allura qal li fejn għandek għalqa bl-uċuħ tar-raba kkultivat, dan hu ikel għal min jgħix fuqu. F’eżempju ieħor semma kif hawn Malta hawn ħafna siġar tal-frott li minħabba ċerta mard inbixxuhom. Qal li xi kultant ninsew li dawn iċ-ċerta ħlejjaq ikun aktar faċli li jirreżistu u jaddattaw għal dik il-kimika u fil-fatt minn perjodu għal ieħor ikollna
ladybirdbżonn insaħħu d-doża għax jiġu reżistenti għaliha. Min-naħa l-oħra, fakkar kif fuq dawn is-siġar fi żmienu kien ikun hemm in-nannakoli li kienu jieklu dawn il-briegħed tal-weraq. Qal li meta beda jintefa’ l-bexx, dan beda joqtol ukoll lin-nannakola u allura dawn ġew imħarsin mill-predatur tagħhom li beda jinqatel u sprejjati b’kimika li bil-mod bdew jirreżistuha.

L-ekoloġista qal li f’ċerti pajjiżi, u ma jafx għalxiex f’Malta ma jsirx l-istess, jiġu imkabbra l-predaturi biex jikber l-ammont tagħhom. Qal li ma jifhimx kif hawn Malta kultant naħsbuna inferjuri, u ma nipprovawx nagħmlu l-istess. Sostna li nistgħu faċilment inrabbu n-nannakoli u mbagħad nitilquhom fuq il-prodott minflok il-bexx.

Baldacchino qal li ovvjament dan ma jaqbilx għal min jipproduċi l-bexx. Sostna li
poison-sign-3dawn huma kumpaniji multinazzjonali kbar li l-interess tagħhom hu li jipproduċu u ma jinteressahomx mill-eko-sistema.

Semma kif dawn jagħmlu abbuż mis-sistema, bl-iskuża li l-bniedem għandu bżonn l-ikel. Qal li jgħidu li qegħdin jgħinu lill-bniedem biex isib l-ikel iżda mbagħad l-għan primarju tagħhom hu li jagħmlu l-flus. B’hekk sostna, li minflok it-tkabbar in-nannakoli, qegħdin nimportaw il-kimika bi flus sejrin barra l-pajjiż. Saħaq ukoll li l-bexx qegħdin nistmgħuh aħjar milli kieku jkollna l-predatur tal-ħlejjaq li jeqirduh b’xejn.

Għalhekk qal li ta’ min nistaqsu lilna nfusna dwar x’inhu l-akbar gwadann għall-bniedem u għas-soċjetà, jekk hux li nużaw metodi li jagħtuna aktar flus għal dak il-ħin u bir-riperkussjonijiet jiġu ffaċċjati għada u llum? Qal li jekk nimxu kemm, kemm iktar bil-mod jista’ jkollna l-istess prodott u nkunu qegħdin ngħinu wkoll lill-eko-sistema biex tibbilanċja waħedha.

Staqsejna lil Alfred Baldacchino dwar il-miżuri li qegħdin jittieħdu biex jiġi eliminat il-bexx, iżda fit-tweġiba tiegħu wera li kien ferm iddiżżappunat. Fil-fatt, hu qal li
sprayer-8mhux talli m’aħniex nieħdu miżuri effettivi, talli qegħdin inkomplu niggravaw is-sitwazzjoni. Qal li dan qed jiġri minħabba l-iżvilupp b’rata mgħaġġla u sostna li l-entitajiet uffiċjali ma jkunux qegħdin ileħħqu. Għalhekk, hu qal li ġeneralment il-kontroll isir wara li tkun saret il-ħsara.
Fost l-oħrajn, semma kif ġieli tara nies ibexxu bit-tankijiet fuq daharhom madwar it-toroq. Qal li dawn ikunu qegħdin joqtlu kollox, fosthom il-ħaxix li jgħidulu ħażin. Qal li dan fil-verità mhu ħażin xejn għax fih il-fjur u l-insetti jmorru jdakkruh ukoll. Qal li anke n-naħal jmur fuqu għax ma joqgħodx jagħżel bejn jekk il-pjanta tkunx waħda selvaġġa jew inkella ‘ħaxixa ‘ħażina’. Sostna li meta dan il-ħaxix insejħulu ħażin inkunu qegħdin nuru l-mentalità negattiva u n-nuqqas ta’ apprezzament li għandna. Qal li ħażin m’hawn xejn u sostna li kulma hawn ħażin hi l-mentalità tal-bniedem. Spjega li fil-ħaxix selvaġġ hemm eko-sistema żgħira, li tikkonsisti f’ċerti insetti u xagħat ta’ insetti bħal tal-friefet. Kompla jispjega li meta jintefa’ l-bexx u jinqatel dan il-ħaxix, miegħu tkun inqatlet ukoll dik l-eko-sistema żgħira.

Dwar il-bexx, Alfred E. Baldacchino qal li dan qed isir minn flus il-poplu hekk kif jitħallas mill-kunsilli lokali jew inkella mill-Gvern ċentrali. Qal li ħadd ma jmur ibexx għall-gost u min jagħmel dan ix-xogħol qed jaqla’ l-flus talli jmur ibigħ il-prodott u talli jkun wettaq ix-xogħol. Qal li ma jistax jifhem kif ġieli ra nies ibexxu f’passaġġi fil-kampanja u staqsa x’fihom ħażin dawn il-ħxejjex li jikbru u jagħmlu l-fjur mingħajr ma ssaqquhom. Qal li dan kollu hu ġirja sfrenata għall-materjaliżmu u għall-flus li bih bil-mod qegħdin neqirdu lilna nfusna. Żied jgħid li sfortunatament min qed jagħmel dan m’għandux viżjoni twila u qed iħares lejn il-ħajja tiegħu mingħajr ma jimpurtah mill-ħajja li għad trid tiġi warajh. Qal li kif jgħid proverbju Afrikan, id-dinja tagħna mhix aħna nħalluha lil ta’ warajna imma ta’ warajna silfuhielna.

Staqsa jekk fil-fatt aħna rriduhiex din il-ħsara li qegħdin nagħmlu għal gwadann momentarju u jekk ma rriduhiex allura x’qegħdin nagħmlu biex inwaqqfuh. Minkejja dan, Baldacchino qal li kulħadd ifesfes fil-widnejn u jgħidlek li għandek bee-dead-4raġun, iżda mbagħad meta niġu fil-mument tal-prova kulħadd iġib l-iskużi.
Spjega li s-soluzzjoni fit-tul għandha tkun li wieħed jara li l-attivitajiet li jagħmel ikunu sostenibbli. Qal li ma tistax tagħmel attività li jkollha prezz moħbi li tħallsu s-soċjetà u jħallsu l-ambjent.

Dwar il-miżuri li qegħdin jittieħdu fil-preżent, Baldacchino qal li dawn huma ftit jew kważi xejn. Qal li mhux biss irid ikun hemm il-liġijiet, iżda sostna li dawn iridu jiġu inforzati bis-serjetà, li jrid ikun hemm edukazzjoni dwar kif wieħed għandu jġib ruħu b’dawn il-kimiċi u dwar il-ħsarat li qed jagħmlu u li rridu nħarsu wkoll lejn il-ġenerazzjoni ta’ għada.

Staqsa jekk aħniex qegħdin nagħmluhom dawn l-affarijiet, filwaqt li qal li l-inforzar f’dan il-qasam jeżisti biss fuq il-karta, imma fil-prattika ma jsirx. Qal li hi daqqa ta’ sikkina għalih meta jkun għaddej mit-toroq, eżempju meta jkun dieħel lejn l-ajruport, u jara li taħt is-siġar ibexxu biex ma jikbirx dan il-ħaxix. Qal li mal-ħaxix sprayer-4tkun inqerdet ukoll eko-sistema u l-ħajja tal-madwar li titħaddan fiha. Semma wkoll kif fuq il-Wied il-Għasel, fejn iċ-ċimiterju ta’ Ħal Lija u ħdejn il-Fawwara fi triq fil-kampanja qed ukoll jingħata l-bexx. Qal li dan hu ġenn, li qed jippermetti lil min jixtieq jabbuża mill-mentalità fqira dwar dawn l-affarijiet, biex jagħmel gwadann tiegħu stess, iżda bi prezz qares għas-soċjetà u għall-ambjent.

Advertisements

3 Responses to Prezz qares li jkollna nħallsu jekk neqirdu n-naħal

  1. gaucivincent says:

    Prosit bhal dejjem lil Alfred E. Baldacchino għal dan it-tgħarif. Fil-ġnien tiegħi, jiena kelli problema bil-Mediterranean Fruit Fly u wżajt ħafna tipi ta’ pestiċidi. Iżda minn xi snin l-hawn mgħadnix nuża minn dawn il-prodotti tossiċi. Qed nagħżel l-aħjar għenieqed u ngeżwirhom fil-boroż. Dan sibtu mod aktar effettiv u sigur biex insalva l-frott li jtuna s-siġar.

  2. VICTOR CASSAR says:

    verament informazzjoni genwina u ta’ gid lil kull bniedem. Esperimenti ghad dannu tal-istess bniedem ghandhom isibu l-appogg ta’ kulhadd, prosit Alfred

  3. Godfrey Camilleri says:

    Proset Alfred ghal dan l-artiklu; j’Alla jinqara minn min ghandu l-inkarigu tal-bdiewa biex forsi ma tibqax issir dil-hsara.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: