Fjuri indiġeni Maltin 1– Il-Ħannewija


logoSocjetà Filarmonika Nicolò Isouard – Festa Santa Marija 2013

Il­-Ħannewija (Achantus mollis)  Bear’s breeches

 Alfred E. Baldacchino

 Il­-ħannewija hija pjanta indiġena fir­-reġjun tal­-Mediterran u tinfirex mill­-Portugal u l­-majjistral tal­-Afrika sal­-Kroazja. Hija pjanta indiġena wkoll fil­-gżejjer Maltin, fejn tħaddar is­-sena kollha u tikber minn sena għall­-oħra minn riżoma, li tixbah għerq taħt l­-art.

L­-isem xjentifiku ta’ din il-­pjanta Acanthus mollis ġej mill-­Grieg u mil-Latin. Acanthus tfisser xewka, minħabba l­-weraq modifikati (sepals) iniggżu li jdawru l-­fjura, filwaqt li mollis ġejja mil­-Latin minħabba l­-weraq lixxi tagħha.

Weraq, fjuri,  u żerriegħa

Il­-ħannewija togħla bejn 30 u­ 80 ċm, saħansitra 180 ċm bit-­tul tal-­fjuri. Hi tifrex madwar metru wiesa’. Il-­weraq jinħassu rotob meta tmisshom, u jikbru mill­-qiegħ tal­-pjanta. Huma ħodor skuri jleqqu, u matul parti mix­-xifer tagħhom sa nofs il-­werqa jkollhom qtugħ qishom swaba’. Il-weraq huma madwar 40 ċm twal b’25 ċm wiesa’ u jikbru fuq għonq twil.

Il­fjuri-tal­ħannewija

Il­-fjuri tal-­ħannewija

Il-­fjuri sbieħ tagħha, li jistgħu jdumu jwarrdu għal madwar ħmistax­-il ġurnata, huma vjola u bojod u jikbru fuq magħseb dritt u twil. Wieħed jista’ jara dawn il-­fjuri minn madwar Marzu sa Ġunju. Ġo fihom hemm erba’ għenuq irġiel li fil-­ponta tagħhom iġorru t­-trab tad­-dakkra, u li jixbhu pniezel żgħar. L-­istess fjuri jġorru l-­ovarji nisa li jagħtu bidu biex isawru ż­-żerriegħa. Il-­fjuri jkunu mdakkra permezz tan-­naħal u tal-­bombli (bumble bees) li huma kbar u b’saħħithom biżżejjed biex jidħlu fil-­fjura sabiex jilħqu l-­għasel fil-­qiegħ tagħha.

Dan il-­bukkett fjuri jikber fuq magħseb tond għoli bejn 30 sa 40 ċm, li jista’ jkollu fuqu sa 120 fjura. Il-­fjuri li fihom 5 ċm, huma f’għamla ta’ tubu, bil­-petali bojod b’vini vjola fir-­roża. Dawn ikunu mdawra bi tliet werqiet, ħodor jew vjola skur, dik tan-­nofs tkun tniggeż aktar mit-­tnejn l-­oħra. Kull waħda minn dawn għandha par xofftejn: ta’ fuq tkun vjola.

Il-­frotta tal-­ħannewija hija ovali forma ta’ bajda, bil-­parti l-­aktar wiesgħa n-­naħa tal­-magħseb. Meta din tinxef tinqasam u tinfetaħ biex iż-­żerriegħa tkun tista’ titferrex. Xi drabi jkunu sparati ‘l barra.

Ambjent naturali

Il-­ħannewija tħobb postijiet kennija b’ħamrija mrammla jew inkella ħamrijia sinjura, u tista’ tikber ukoll f’ħamrija taflija. Tikber f’postijiet xemxija, għalkemm fi klima sħuna tagħżel postijiet kważi dejjem imdella. Pjanti xjuħ lanqas jiddejqu f’ħamrija niexfa jew niedja u jifilħu wkoll għan­-nixfa. Il­-ħannewija tiflaħ temperaturi baxxi sakemm l­-għerq ewlieni jkun magħmul u jikber f’’art li toskula l-­ilma. Imma l­-ħannewija ma tħobbx ħamrija mgħarrqa fl-­ilma u lanqas tħobb tgħaddi x­-xitwa f’’ħamrija dejjem imxarrba. Tinsab tikber kemm fi nħawi dellija kif ukoll taħt siġar ħorfija, jiġifieri, siġar li jinżgħu mill-­weraq fix­-xhur xitwin.

Sakemm taqbad, il­-ħannewija tieħu madwar sentejn, iżda mbagħad tissaħħaħ sewwa u togħla. Il-­weraq jitfaċċaw mill-­art u jikbru b’saħħithom madwar xulxin, u minn nofshom jitfaċċaw il­-fjuri.

Storja u kultura

Il­-ħannewija hija pjanta magħrufa biex iżżejjen u tintuża wkoll fil­-ġonna. Hija waħda mill­-ewwel pjanti li ġew ikkultivati. Kienet tintuża ħafna mill­-Griegi u mir­-Rumani li kienu wkoll ikabbruha fil­-ġonna tagħhom. Il­-ħannewija hija mfittxija ħafna minn dawk li jużaw il­-pjanti biex isebbħu l­-art, għalkemm sfortunatament mhux f’Malta. Hija meqjusa wkoll bħala simbolu tal-­immortalità, u minħabba f’hekk tinsab imnaqqxa ukoll fuq lapidi fiċ­-ċimiterji.

Fdalijiet-Rumani-f’Jerash,-il­Ġordan,-juru-l­irjus-tal­kolonni-mnaqqxa-bil­weraq-tal­ħannewija.

Fdalijiet Rumani f’Jerash, il­-Ġordan, juru l-­irjus tal-­kolonni mnaqqxa bil­-weraq tal-ħannewija

Saħansitra  il­-weraq tagħha nebbħu wkoll lid-­disinjaturi li naqqxuha fl-­għamara, f’manuskritti mpinġija, fil-­ġojjellerija, f’xogħol tal­-metal, injam, xogħol tal-­fidda, ċeramika, stokk u disinji fuq il­-ħitan, u anki f’arkitettura klassika. Naraw li l­-werqa tal­-ħannewija hija waħda mid-disinji l-­aktar użati mill­-qedem sal­-aħħar tas-­seklu dsatax, jekk mhux aktar. Tant kellha seher fil-­passat din il-­pjanta li l­-istudjużi tal-­istorja huma tal-­fehma li l-­weraq tagħha kienu l­-qofol tad­-disinn fl­-irjus tal­-kolonni fl-­arkitettura Grec0-Rumana. Skont manuskritti Rumani, disinji tal-­weraq tal-­ħannewija l-­ewwel li ntużaw fl-­arkitettura stil Korintu fuq ir-­ras tal-­kolnonni. Din  kienet ukoll użata bi ftit tibdil fl-­arti Kristjani u f’dik Biżantina. Wieħed jista’ jara din użata b’sengħa kbira f’xi knejjes f’Firenza, fl-­Italja.

Mediċina tradizzjonali

Bħal ħafna pjanti oħra, il­-weraq u I­-għeruq tal­-ħannewija wkoll kienu użati fil-­mediċina tradizzjonali.

Taħlita magħmula mill­-ħannewija kienet tindilek fuq il­-ġogi biex tgħin il­-muskoli u l­-ligamenti jinġibdu jew jintreħew u b’hekk tgħinhom jerġgħu jsibu l­-post naturali tagħhom fil­-ġisem.

Il­-weraq imfarrak tal­-ħannewija kien jintuża bħala ġbara biex itaffi l­-ħruq u l­-partijiet mismuta fil­-ġisem. Kimika karatteristika tagħha kienet ukoll tintuża biex ittaffi nħawi irritati ġewwa l-­kanal tal-­ikel u postijiet sensittivi oħra tal­-ġisem.

Ir­Rumani wkoll kienu jgħallu l-­għeruq biex jagħmlu ġbajjar biex jikkuraw ħruq, għadam imfekkek, gotta u kontra t­-telf tax-­xagħar.

Tant kienet użata bħala mediċina tradizzjonali fil-­passat li f’xi kunventi qodma fl­-Ewropa għadha tinstab tikber fil­ġonna fi rqajja’ tal­-ħxejjex mediċinali.

Tnissil

Il­-ħannewija tista’ titnissel miż­-żerriegħa hekk kif din tkun saret. Din tnibbet wara xi tlieta jew erba’ ġimgħat u meta n-­nibbieta tkun kbira biżżejjed biex tintrefa’, għandha titħawwel waħda waħda f’qasira. Wara madwar sentejn tista’ titħawwel fl­-art tard fir-­rebbiegħa jew kmieni fis-­sajf. Tista’ wkoll titnissel billi jittieħdu biċċiet mir-­riżoma. Dawn il­-biċċiet għandhom jittieħdu tard fil­-ħarifa jew kmieni fix­-xitwa u wara ftit gimgħat li jitpoġġew fuq il­-ħamrija jidhru l­weraq.

Użu fil­-ġonna

Barra minn pajjiżna il­-ħannewija tintuża ħafna fil­-ġonna u anki fit-tisbiħ ta’ artijiet pubbliċi. Dan jista’ ukoll jibda’ jsir f’pajjiżna u filwaqt li ssebbaħ fejn titħawwel, tgħin ukoll biex tqajjem kuxjenza aktar b’saħħitha favur l­-apprezzament tal-­wirt naturali Malti, kif ukoll tgħin biex ma jinħlewx riżorsi u hekk dawn ikunu jistgħu jintużaw aħjar.

Barra minn Malta, il-­ħannewija, iżżejjen il-­ġonna-pubbliċi bil-­weraq kbar u l-­fjuri sbieħ tagħha.

Barra minn Malta, il-­ħannewija, iżżejjen il-­ġonna pubbliċi bil­-weraq kbar u l-­fjuri sbieħ tagħha.

Fil-­madwar tal­-Mosta il­-ħannewija tista’ titkabbar, fost oħrajn, quddiem iċ­-ċentru ċiviku ħdejn il­-knisja, u anki ngħidu aħna, fil-­gżejjer tat-traffiku mdaqqsa li hemm kif wieħed ikun dieħel jew kif ikun ħiereg mill­-Mosta, u anki matul Vjal l­Indipendenza.

aebaldacchino@gmail.com

 

Advertisements

9 Responses to Fjuri indiġeni Maltin 1– Il-Ħannewija

  1. In confirmation of what Alfred E. Baldaccino says, I have seen public places in Madrid decorated with Hannewija – a way of decorating public gardens, roundabouts and other green areas with minimal watering and maintenance costs.

    • Vince, the third photo in my block was taken in Seville. So one can see the extensive use of the Bear’s Breeches in Spain. We are still a bit far away from that mentality, to put it mildly, but we will get there one day.

  2. VICTOR CASSAR says:

    Meta ser ikollna ġnien verament imsawwar b’dawn it-tipi ta’ ħxejjex li ssaħħru lil kulhadd. Kull fejn tmur barra minn Malta ssib ġonna ta’ esebizzjoni ta’ ħxejjex u fjuri? Meta ser indaħħlu kultura ta’ mħabba lejn dan ir-riżors naturali?. Parti kbira tal-Buskett mitluqa. Tista’ tiġi żvilluppata bi ħxejjex li jistgħu jitgawdew mill-publiku. Saħhansitra jkun ta’ attrazzjoni għal-istess turist. Nippreferixxu ġebel u konkrete milli siġar u fjuri. Nitgħallmu minn pajjiżi ġirien tagħna please. Għandhom parks tqatta’ ġurnata sħiħa fid-dell u sbuħija tagħhom.

    • Naqbel miegħek perfettament Victor. Il-‘landscaping’ huwa taħt ir-responsabbiltà tal-Ministru responabbli mit-Transport, għal xi raġuni li jiena sa issa għadni ma nistax nifhem). Dan irid japprova dan it-tip ta’ landscaping.
      Wieħed jittama’ li l-ħela tar-riżorsi li kienet issir qabel, speċjalemnt bl-użu tat-turf u l-ilma, titwaqaf minnfih.

      • Arthur Taliana says:

        Some areas at the Marsaskala park should be ideal for the cultivation of such and similar indigenous plants.

        • Very true Arthur.
          But first landscapers have to know the local indigenous flora. Secondly they have also to be aware of the benefits of such flora, and thirdly and perhaps the most important, they have to be willing to give their share for the better education and public awreness of our local natural heritage and put these before the maximisation of financial profits.
          The public awareness of such use of indigenous flora is strong, but the social and ecological considertions of most of our landccapers has still to be conceived, especially those that are paid from public funds.

          • Sammy Vella says:

            Il-Ħannewija mhux biss hija xitla eċċellenti biex issebbaħ iżda wkoll ta’ benefiċju għall-art għax il-weraq kbir u folt tagħha jgħatti l-art u jkenninha mix-xemx kiefra tas-sajf. Imbagħad kemm il-bsaten tal-fjuri kif ukoll il-weraq kbir u aħdar skur huma tassew spettakolari. Il-vantaġġ l-ieħor huwa li din ix-xitla titkattar faċilment. Il-kumment tiegħek dwar it-tkattir fil-ħarifa huwa f’loku ħafna. Infatti il-bastun tal-fjuri, hekk kif jinxef ikun mimli żerriegħa imdaqqsa u dawn jibqgħu imwaħħlin fil-bastun bla ma jaqgħu sakemm tagħmel l-ewwel xita. Hekk kif iħossu ix-xita jibdew ifaqqgħu il-fosdqa tagħhom u jisparaw il-barra. Din il-karatteristika ma kontx indunajt biha għall-ewwel li bdejt nikkultivahom fil-ġnien tieghi daqs 10 snin ilu. Imbagħad, darba minnhom kien wasal Settembru u ma kienitx għamlet xita u ħriġt insaqqi bil-pajp. Ħin minnhom bdejt nisma bħal tifqiħ u ħassejt qisu żrar jaħbat miegħi. Ħsibt li xi ħadd kien qiegħed jissuttani biex jiġbidli sieqi. Iżda ma rajt lil ħadd. Imbagħad komplejt insaqqi u ndunajt li hekk kif l-ilma jolqot il-bsaten niexfin tal-Ħannewija, iż-żerriegħa tispara ‘l barra u kont qed nintlaqat biż-żerriegħa.

            Iżda biex wieħed juża il-Ħannewija f’ġonna jew spazji pubbliċi jeħtieġ li jifhem sewwa il-karatteristiċi tagħha. Fil-klima tagħna fi spazji mikxufin għax-xemx, din ix-xitla tinxef malajr hekk kif jidħol is-sajf. F’inħawi dellin fil-widien u fejn tgawdi minn abbundanza ta’ ilma tibqa ħadra u anke ttella’ frieħ ġodda. Iżda fejn taħkem ix-xemx din ix-xitla tinxef malajr. Għaldaqstant il-ġardinar li jieħu ħsiebha jeħtieġ li jkun lest biex jaħsadha mill-wiċċ tal-ħamrija hekk kif tinxef għax inkella tagħti mpressjoni ħażina. L-għerq tagħha jibqa ħaj u fl-istaġun ta’ wara jerġa jtella xitel ġdid u sabiħ. Apparti minn dan, kif għidt inti stess, il-bastun tal-fjuri, xħin jinxef, isir ixxewwek mhux ħażin u dan jista’ jsarraf fi problema fi spazji pubbliċi. Għaldaqstant wieħed għandu jgħaraf kif jutilizza sewwa din ix-xitla majjestuża u jipprepara programm ta’ manutenzjoni sabiex titgawda kif jistħoqilha.

            Sammy Vella
            Mellieħa

  3. Paul Bezzina says:

    Jekk minnhiex sejjer zbal, izda ma nahsibx li ghandi zbal,, rajt din il pjanta mhawwla fic Central strips ta hdejn l ljun tal Furjana, ghax niftakar kont sorpriz li rajt din il pjanta mhawwla hemm, ghac rajta tikber hafna f postijirt dellija, bhal taht jew vicin sigar tal harrub, il Lunzjata Ghawdex.

    • Mhux li kien li l-Ħannewija qed tintuża kif għidt int. Mort nara llum u ħlief fjuri kkultivati ma hemmx. Għidt forsi l-‘landscapers’ raw id-dawl u qed jgħinu kemm biex jedukaw dwar il-flora indiġena kif ukoll biex jgħinuhom fil-ħarsien tagħhom, u fl-istess ħin ma jkunx hemm ħela ta’ flus Maltin. Imma kont iddiżappuntat. Naħseb li għad baqgħalna x’naħdmu biex nilħqu dan il-għan, aktar u aktar meta dawn għandhom l-għajnuna u l-approvazzjoni tal-politikanti.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: