Iċ-Cimiterju f’Għajn Qasab, in-Nadur Għawdex


Iċ-Cimiterju f’Għajn Qasab, in-Nadur Għawdex

Alfred E. Baldacchino

L-Erbgħa, 31 ta’ Ottubru, 2012

Il-kontroversja taċ-ċimiterju f’Għajn Qasab, in-Nadur Għawdex ilha għaddejja issa mhux ħażin. Saħansitra sar appell lill-MEPA dwar il-permess li din ħarġet lill-Arċipriet tal-Knisja tan-Nadur. Il-MEPA ilha issa mhux ħażin tistudja u tistudja, u tistudja u tistudja dan l-appell u tipposponi u tipposponi d-deċiżjoni tagħha minn xahar għal xahar.  Sadanittant, ix-xogħol fuq dan iċ-ċimiterju għadu għaddej. Forsi xi ħadd għandu xi pjan biex ix-xogħol fuq dan iċ-ċimiterju jilħaq jispiċċa u d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-MEPA tkun tista’, mal-ftuħ uffiċjali ta’ dan iċ-ċimiterju, tagħmel l-ewwel difna fih billi tidfen id-deċiżjoni tal-appell.

Għelieqi u x-xagħri jinbidlu f’ċimiterju waqt li x-xogħol u l-appell għaddejin id f’id!

Sadanittant, il-bdiewa li jiddependu mill-ilma li kienet tilqa’ l-art li tħaffret biex jinbena dan iċ-ċimiterju, u lil kien jintua biex isaqqu l-uċuħ tar-raba’ tagħhom, fejn hemm mijiet tas-siġar taċ-ċitru, għadhom imħassba għal dan id-dewmien ta’ deċiżjoni li qed taffettwalhom xogħolhom u l-għixien tagħhom.

Illum deher artiklu fuq il-blog tal-Perit Carmel Cacopardo dwar dan iċ-ċimiterju, liema rapport qiegħed ninkludu hawn, flimkien ma’ xi kummenti li dehru.

Il-Kappillan jagħtiha għall-business

Carmel Cacopardo – 31 10 2012

F’Għajn Qasab limiti tan-Nadur Għawdex l-inkwiet għadu għaddej. L-Kappillan tan-Nadur qed jagħmel biċċa business bl-oqbra. Business li wiret mill-Kappillan ta’ qablu. Qaluli li hu speċi ta’ timeshare bl-oqbra.

Ix-xogħol ta’ kostruzzjoni għaddej u l-ħsara lill-biedja fl-inħawi m’hiex żgħira. Is-sistema ta’ irrigazzjoni li ilha taħdem minn żmien il-kavallieri ġiet imħarbta biex il-Kappillan jagħmel il-business bl-oqbra. Sa minn żmien il-kavallieri missierijietna kienu għaqlin biżżejjed biex fasslu sistema li iżżomm l-ilma u titilqgħu ftit ftit. Hekk li meta tagħmel ix-xita l-ilma jinħażen u matul is-sena sa Awwissu u anke Settembru titlaq dan l-ilma ftit ftit. Dan l-ilma għal dawn l-aħħar tlett mitt sena intuża biex f’Għajn Qasab hemm qasam kbir mimli siġar taċ-ċitru. Issa l-ilma naqas. Jiġi f’daqqa malli tagħmel ix-xita u wara ftit li xejn.

L-effetti fuq il-bdiewa ġja bdew. Raba’ mingħajr ilma matul is-sena bil-fors tnaqqas il-frott li trodd.

Il-Kappillan inkwetat. Mhux għall-bdiewa u l-għixien tagħhom li hu mhedded. Hu inkwetat li l-appell fil-MEPA kontra l-bini taċ-ċimiterju għadu għaddej u ma jafx meta ser ilesti. Min tah il-flus għall-oqbra qed igorr.

Jiena infurmat li din il-ġimgħa dawk viċin il-kappillan bdew jiġbru l-firem. Lin-nies qalulhom li dwar il-permessi għad hemm il-problemi. Imma li l-business tal-Kappillan qed jagħmel il-ħsara lill-bdiewa ħadd ma qalilhom xejn dwaru.

Dwar dan messu jitkellem Dun Mario!

http://carmelcacopardo.wordpress.com/2012/10/31/il-kappillan-jaghtiha-ghall-business/?replytocom=1779#respond

2 responses

 Mario Xerri 31 10 2012 (19:21:05) :

Din hija s-sena tal-FIDI ghalina l-INSARA. Din il-fidi f’ALLA qieghda tigi mtappna b’hafna skandli madwar id-dinja specjalment gewwa l-EWROPA. Il-hasra hi li l-knisja kattolika kellha sehem ukoll. Dan li qieghed jigri go GHAWDEX ma jghinx! Il-bniedem jitwieled b’xejn minn guf ommu……fl-ahhar ta’ hajtu ma jiehu xejn mieghu.

Baldacchino Alfred E.    31 10 2012 (20:16:01) :

APPARTMENTI GĦALL-MEJTIN

Prosit Carm, tajba ħafna.

Immisna nibdew petizzjoni aħna wkoll u niġbru l-firem biex nibgħatuhom kemm lill-Knisja, lill-Gvern, lill-Opposizzjoni u anki lill-Vatikan. Jidher li fejn jidħlu l-flus hawn Malta mhemm l-ebda kuxjneza soċjali u ekoloġika, sfortunatament lanqas fil-Knisja. It-twemmin nisrani jiġi wara.

Darba kont ktibt li għad jiġi żmien meta l-mejtin għad jisħtu l-ħajjin dwar iċ-ċimiterju tan-Nadur f’Għawdex. Nixtieq nara minn sejjer inaqqax ismu fuq l-irħama meta jinfetaħ dan iċ-ċimiterju. Naħseb li jrid ikun hemm irħana kbira mhux ħażin għaliex dawk li taw sehomhom huma ħafna bħal ngħidu aħna, id-djoċesi ta’ Għawdex, Il-Gvern, l-Oppożizzjoni, il-Mepa, dawk li tħallsu biex għamlu r-rappport li jiġġustifika dan l-isfreġju tal-ambjent. U mhux biss l-isem tal-entitajiet fejn warajhom jinħbew in-nies responsabbli, imma ismijiet ta’ minn huma dawn in-nies. Il-Kappillan tan-Nadur naħseb li jikkwalifika biex ikun fuq ras il-lista.

Wasalna fi stat redikolu issa li qed nibnu appartamenti għall-mejtin u l-ħsara ta’ deċiżjonijiet bħal dawn iħallsuhom is-socjetà u l-ambjent.

Lapida li tixraq lil dan iċ-ċimiterju f’Wied il-Qasab, in-Nadur Għawdex.

Ara l-artiklu tiegħi hawn

https://alfredbaldacchino.wordpress.com/2010/06/21/the-nadur-cemetery-%E2%80%93-where-the-dead-will-haunt-and-curse-the-living/

Advertisements

Comments are closed.

%d bloggers like this: