Qerda tal-biodiversità fil-foss tal-Imdina… biex isir ġnien ta’ kwalità!


Dan l-aħħar qrajna u smajna stqarrijiet minn Ministru tal-Gvern dwar ġonna ta’ kwalità u spazji miftuħa għall-familji.

Meta wieħed jaqra u jisma’ l-kummenti ta’ dan il-Ministru tal-Gvern li huwa responsabbli minn dawn il-proġetti, wieħed mill-ewwel jifhem għaliex illum il-qerda tal-ambjent naturali hija daqstant kbira. U wieħed ma jistax ma jistaqsiex numru ta’ misoqsijiet, bħal ngħidu aħna:

  1. Bliema immaġinazzjoni jista’ xi ħadd jgħid li sejjer jagħmel ġnien ta’ kwalità u fl-istess ħin jaqla’ u jeqred ammont kbir ta’ sigar b’impatt kbir fuq il-biodiversità tal post?  (ara ritratti aktar l-isfel).
  2. Kif jista’ wieħed jgħid li sejjer jagħmel ġnien ta’ kwalità u fl-istess ħin jiksi l-post b’medda wiesgħa ta’ konkos; konkos aktar milli hemm u aktar milli kien hemm siġar qabel ma beda x-xogħol? (ara ritratti aktar l-isfel)
  3. Liema raġuni xjentifika tiġġustifika li biex isir ġnien ta’ kwalità titqaxxar u tinqered il-liedna kollha li kien hemm fil-post u li kienet tħaddar u tiksi metri kwadri kbar tal-ħajt tal-ġnien Howard Gardens (mhux mal-ħajt tas-sur) u li kienet toffri ambjent naturali għall-numru ta’ fawna indiġena? Din kienet ukoll issebbaħ u tgħati l-ħajja lill-kull ġnien anki jekk mhux ta’ kwalità. U dan minkejja li l-Gvern ta’ Malta huwa obbligat u marbut mill-Unjoni Ewropea biex jara li jieħu miżuri biex ma tkomplix tinqered il-biodiversità tal-Unjoni Ewropea li aħna parti minnha. Il-Ministri tal-Ambjent (anki dawk li jgħidu li xi darba kienu Ministri tal-Ambjent) din kollha jafuha, kemm mid-dokumenti tal-UE li jirċevu, kif ukoll mill-laqgħat tal-Kunsill tal-Ministri li jattendu.

Fid-diskors tiegħu fil-video li deher fil-ġurnal The Times

http://www.timesofmalta.com/articles/view/20120918/local/mdina-ditch-being-transformed-into-quality-garden.437446

dan il-Ministru qal li ma nqerdux siġar.  Jekk wieħed iħares lejn ir-ritratti hawn mehmuża, waħdu jasal f’konklużjoni waħda.

  1. Kif jista’ xi ħadd jgħid li dan ix-xogħol qed jerġa jieħu dan il-post għall-ġranet passati tal-glorja tiegħu?  Sa fejn naf jien fi żmien l-Għarab u l-Kavallieri ma kienux jużaw konkos (sakemm xi perit ma jikkoreġinix!) li llum huwa l-aktar ħaġa li tispikka f’dan il-ġnien (u ġonna oħra simili) ta’ kwalità. Lanqas kienu jiżirgħu turf  għax l-ilma għalihom kien jiswa mitqlu deheb, u lanqas kienu jagħmlu ilma ħiereġ jiżfen mill-art!  U lanqas ma kienu jużaw lift biex jinżlu mis-swar għall-foss. Jidher li l-Għarab u l-Kavallieri li ħakmu pajjiżna tant għexieren ta’ snin ilu, kellhom viżjoni ferm u ferm aktar professjonali, ekonomika, soċjali, ambjentali u sostenibbli milli għandhom il-mexxejja politiċi Maltin tal-lum, minkejja li dak iż-żmien ma kienx hemm obbligi ambjentali internazzjonali bħal ma għandna llum u lanqas kellhom Ministri tal- Ambjent.
  2. Ir-Rabtin u l-ġirien tagħhom  ma għandhomx bżonn xi politku li ma għandu l-ebda idea ta’ xi tfisser biodiversità biex jgħamillhom ġnien ta’ kwalità! U lanqas għandhom bżonn spazji miftuħa għall-familji għax għandhom biżżejjed spazji miftuha. Żgur li ma għandhomx bżonn ta’ spazju miftuħ ġo foss. U jekk kien hemm il-ħsieb li dan il-foss jinfetaħ għal kulħadd, kull ma kien hemm bżonn kien  li jitneħħew il-katnazzi li kienu jsakkru l-bibien li jgħalqu l-aċċess għal kulħadd. Li kieku dan id-diskors jintqal lill-kostitwenti ta’ min qalhom, li llum huma ferm u ferm konxji mill-ambjent naturali u l-qerda li l-konkos qed jagħmel lil dan l-ambjent, żgur li kienu jibgħatuh jistgħad biex forsi jaqbad xi mazzun!
  3. Imma veru li biex tagħmel ġnien ta’ kwalità illum l-ingredjenti huma: a) konkos; b) turf; c) ilma jiżfen; d)  issa anki lift; u e) l-qerda tal-biodiversità tal-post kollha, kif sar fil-foss tal-Imdina u f’kull hekk imsejjaħ ġnien ieħor li qed isir mill-istess ministeru?
  4. Ħarsa lejn il-kummenti li kien hemm fil-gazzetti f’dawn il-links

http://www.timesofmalta.com/articles/view/20120918/local/mdina-ditch-being-transformed-into-quality-garden.437446

http://www.timesofmalta.com/articles/view/20120919/local/Mdina-ditch-returned-to-glory.437501

u fir-ritratti li ħadt jien stess u li wħud minnhom jidhru hawn taħt, kollha jitkellmu u juru  d-disastru li sar bi flus pubbliċi u b’dawk tal-Unjoni Ewropea.

  1. Forsi hawnhekk ta’ minn jistaqsi minn qed jamministra l-fondi tal-UE, f’dan il-kas il-European Regional Development Fund?  Min qiegħed jawditjahom? Fejn jista’ l-pubbliku jara rendikont tal-infiq?
  2. Barra minhekk, minn qiegħed jara li jkun hemm diskussjoni pubblika fuq il-proġetti biex b’hekk ikun involut iċ-ċittadin fid-deċiżjoni, qabel jintefqu dawn il-flus? Dan ukoll huwa fost l-obbligi li titlob l-UE.
  3. Jiddispjaċini ngħid li l-ħsara li qed issir lill-biodiversità Maltija bi proġetti bħal dawn, bi skuża ta’ ġonna ta’ kwalità u spazji miftuħa għall-familji, trid aktar minn ġenerazzjoni biex titranġa.
  4. Dan il-ġnien sejjer ikollu kwalità waħda …. dik ta’  mafkar ta’ kif l-ambjent naturali qed jiġi sfruttat u mżeblaħ f’dawn l-aħħar snin, mingħajr ebda mistħija u ebda mgħodrija.
  5. Fl-aħħarnett min huma l-konsulenti tal-Ministru li huwa responsabbli biex jaraw li dan ix-xogħol ikun wieħed sostenibbli, jiġifieri li ma ssirx ħsara ekonomika, ħsara soċjali u ħsara ekoloġika kif qed issir?
  6. Nismagħhom jgħidu li hawn Malta kollox possibli, imma ma naħsebx li hawn xi ħadd li sab kif jgħatti x-xemx bl-għarbiel, għalkemm hawm min qed jipprova u qed jagħmel ħiltu kollha.

ARA WKOLL

http://www.orizzont.com.mt/Issues/19092012/social/article95864.html

http://www.timesofmalta.com/articles/view/20120918/local/mdina-ditch-being-transformed-into-quality-garden.437446

http://www.timesofmalta.com/articles/view/20120919/local/Mdina-ditch-returned-to-glory.437501

http://alfredbaldacchino.wordpress.com/2012/05/25/environmentali…ent-over-trees

https://alfredbaldacchino.wordpress.com/2012/07/31/once-there-were-green-leaves/

https://alfredbaldacchino.wordpress.com/2012/04/30/massacre-of-md…eally-involved/

https://alfredbaldacchino.wordpress.com/2012/02/27/government-policy-on-trees/

iL-BIODIVERSITA’   SINJURA TA’ QABEL BEDA X-XOGĦOL FIL-FOSS TAL-IMDINA U L-KWALITA’ TA’ QERDA LI SARET MINN META BEDA X-XOGĦOL FUQ IL-ĠNIEN TA’ KWALITA’

QABEL – Ringiela ta’ siġar taċ-Cipress li kienu jiffurmaw parti mill-biodiversità

WARA – L-unika siġra taċ-Cipress li baqa’ – MEJTA. L-oħrajn kollha nqalgħu u nqerdu. Ikun interessanti kieku l-esperti tal-Ministru jgħidulna kif mietet din is-siġra, jew aħjar jekk inqatletx b’xi kumbinazzjoni!  Ma naħsebx li issa sejjer ikun hemm xi ħadd li tniggżu l-kuxjenza biex jaqla’ siġra mejta, meta nqalgħu tant u tant siġar ħajjin minn dan il-post .

QABEL – ambjent naturali sinjur

WARA – parti mill- ġnien ta’ kwalità – anqas biodiversità, aktar konkos!

WARA – liedna  meqruda fil-ġnien ta’ kwalità

WARA – siġar taċ-Ċipress maqlugħa, meqruda  u mitfuha fl-art biex jagħmlu wisa għall-ġnien ta’ kwalità.

WARA – fdalijiet tas-siġar mejta taċ-Ċipress taħt it-tabella tal-Ministeru li qed jagħmel ġnien ta’ kwalità

QABEL U WARA – id-dehra tal-foss ftit wara li beda x-xogħol fuq il-ġnien ta’ kwalità.  Is-siġar immarkata b’salib isfar kollha ġew meqruda, jew maqlugħa.

WARA – post għeri mill-biodiversità fi ġnien ta’ kwalità fejn jispikka l-konkos u l-għibien tas-sigar li qabel kienu jżejnu dan il-post.

It-tabella imwarrba u mitluqa fl-art li madankollu turi l-għajuna finanzjarja li qed tgħati l-EU mill-European Regional Development Fund, għar-restawr tal-post, li qed isir fost oħrajn bit-tneħħija tal-biodiversità u kisi bil-konkos.

Advertisements

Comments are closed.

%d bloggers like this: