X’nifhmu bil-kelma ambjent


X’nifhmu bil-kelma ambjent

Alfred E. Baldacchino

Illum il-kelma ambjent hija fuq fomm kulħadd. Dan huwa pass il-quddiem. Iżda mhux kulħadd jifhem l-istess ħaġa bil-kelma ambjent. Hemm min jaħseb li jekk inżżommu nadif huwa biżżejjed. Hemm imbgħad dawk li jaħsbu li jekk tħawwel siġra jew tnejn ukoll huwa biżżejjed. Ngħiduha kif inhi, mhux għax dawn ma jgħinux, imma l-kelma ambjent hija aktar wiesgħa minn hekk. Ejja nieħdu eżempju biex naraw x’għandna nifhmu bil-kelma ambjent.

 

In-nisġa tan-Natura li tiġbor fiha wkoll il-bniedem

 

Kulħadd jaf xhini siġra. Siġra hija ħolqien ħajja, li tikber, tiekol, tixjieħ, tipproduċi, u anki tmut. Ħarsa lejn siġra turina li din hija ankrata fl-art, fejn l-għeruq tagħha jinżlu fil-fond kemm biex jgħinu lis-siġra tkun soda fl-art, kif ukoll biex jgħinuha ttella’ l-ilma biex tagħmel l-ikel. Fl-istess ħin, din is-siġra qed iżżomm il-ħamrija f’postha u ma tħallihiex tinġarr bir-riħ u bix-xita. Barra minn hekk il-weraq li twaqqa’ is-sigra fl-art jgħinu biex il-ħamrija ssir aktar sinjura. U s-siġra qed toffri wkoll ambjent għan-numru ta’ ħlejjaq oħra.

M’għandniex xi ngħidu li s-siġra trid ukoll id-dawl tax-xemx biex tkun tista’ tikber. Permezz tad-dawl tax-xemx u l-ilma li ttella mill-għeruq, il-weraq ħodor tas-sigra jagħmlu l-ikel tagħha li jgħinha tikber, tipproduċi, u tkompli tgħix. Kif jafu dawk li fi żmien il-Milied jiżirgħu l-ġurbiena u jpoġġuha fid-dlam, din titla’ bajdanija, mingħajr kulur ħadrani, u tkun anki dgħajjfa għaliex ma jkolliex id-dawl biex tkun tista’ tagħmel l-ikel. Barra minn hekk it-temperatura minn dan id-dawl tax-xemx ma tridx tkun la sħuna ħafna u lanqas kiesħa ħafna li s-sigra ma tkunx adattata għaliha. Hekk jekk nieħdu siġra mill-Mediterran u nħawluha fl-Iżlanda, din ma tgħix għaliex it-temperatura hija kiesha wisq għaliha. Hekk ukoll jekk inġibu siġra mill-Iżlanda hawn Malta, din tbgħati għaliex il-klima hija sħuna wisq għaliha. Hekk kull bdil fit-temperatura jkollu impatt fuq il-ħlejjaq li ma jkunux imdorrijin b’dik it-temperatura, kemm jekk tkun għolja, kif ukoll jekk tkun baxxa aktar milli jkunu mdorrijin biha.

Is-siġra wkoll trid l-arja biex tieħu n-nifs. Jekk ngħalqu siġra f’post mingħajr arja, għalkemm ikollha d-dawl u l-ilma, din ma tgħix u bil-mod il-mod tmut. Filwaqt li s-siġra tieħu d-diossidu tal-karbonju (carbon dioxide) mill-arja, hija tgħati wkoll lura l-ossiġenu (oxygen). U hekk naraw li s-siġra tgħin biex iżżomm bilanċ tal-gassijiet fl-atmosphera, għaliex jekk dan il-bilanċ ma jiżammx, allura jista’ jkun kemm ta’ ħsara għas-siġra nnifisha kif ukoll għall-ħlejjaq l-oħra li jgħixu fuq din l-art. U dan il-bilanċ huwa meħtieġ li jinżamm minkejja t-tibdiliet kontinwi li hemm.

Mela naraw li s-siġra li hija ħajja għandha bżonn ukoll partijiet fiżiċi, bħall-ilma, id-dawl, l-arja, u l-art. Mingħajr dawn din ma tistax tgħix, u dawn il-partijiet fiżiċi ma jkunux sħaħ mingħajr il-ħajja tas-siġra minħabba n-nisġa li għandhom magħha. Imma jekk l-ilma jkun imniġġeż jew ikkontaminat bil-kimika, jekk l-arja tkun imniġġża b’kimiċi li wħud minnhom jistgħu ukoll jifformaw xi aċtu meta jitħallatu ma’ l-ilma, jekk it-temperatura tkun aktar sħuna jew kiesha minn dak li siġra tkun adattata għaliha, dawn kollu jkollhom impatt negattiv fuq is-sigra li jistgħu wkoll iwasslu biex joqtlu lis-siġra.

 

 

Iż-Żnuber - siġa tal-Mediterran

 

Issa npoġġu l-bniedem minflokk is-siġra u naraw li dan bħas-siġra għandu bżonn ukoll l-art, l-ilma mhux imniġġeż, l-arja safja, kif ukoll id-dawl tax-xemx biex ikun jista’ jgħix, jikber, jiekol u jirriproduċi. U bħal ma dawn jistgħu jeqirdu siġra, hekk ukoll jistgħu jeqirdu mhux biss is-siġar l-oħra kollha, imma anki l-annimali inkluż il-bniedem.

Għalhekk meta wieħed jitkellem fuq l-ambjent irid iħares kemm lejn il-parti fiżika li tkun tajba għall-ħajja, kif ukoll għall-ħlejjaq kollha li jiddependu minn din il-parti fiżika. Din hija n-nisġa naturali li minna jiddependi wkoll il-bniedem. U ma nistgħux ngħatu każ lill-parti waħda biss u ninjoraw lill-oħra. Din hija t-tifsira wiesgħa tal-kelma ambjent li wieħed għandu jżopmm f’moħħu meta jitkellem fuq l-ambjent.

aebaldacchino@gmail.com

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: