IS-SIĠAR MALTIN


 

21 ta’ Frar, 2010

IS-SIĠAR MALTIN

Alfred E. Baldacchino

Nistħajjel xi ħadd jistaqsi: “imma x’jagħmel siġra siġra Maltija u oħra mhux Maltija? Is-siġar mhux kollha siġar?”

Il-gżejjer Maltin kellhom għatja ta’ siġar adattati kemm għall-klima kif ukoll għall-ambjenti naturali tagħhom għall-eluf ta’ snin qabel mal-bniedem medd riġlejh fuq dawn il-gżejjer. Insibu siġar li kienu, u wħud minnhom għadhom jikbru sa llum il-ġurnata, f’ambjent niexef u fqir fil-ħamrija; oħrajn jikbru f’ambjent bi blat bi rqajja’ ta’ ħamrija, waqt li oħrajn jikbru matul il-widien u qrib ta’ nixxigħat minħabba li dawn iħobbu l-ilma. Dawn, li kif għidna, uħud minnhom għadhom jikbru fil-gżejjer Maltin, huma s-siġar Maltin, jew kif huma magħrufa teknikament, siġar indiġeni Maltin. Dan ma jfisserx li dawn is-siġar Maltin jikbru biss fil-gżejjer Maltin, imma huma popolazzjoni ta’ siġar li għal eluf ta’ snin ma kellhomx u lanqas illum ma għandhomx kuntatt fiżiku ma’ siġar oħra bħalhom li jikbru barra mill-gżejjer Maltin. Siġar oħra bħalhom jikbru l-aktar fil-pajjiżi madwar il-Mediterran, imma minħabba li l-gżejjer Maltin huma mdawrin bil-baħar, mhux possibli li s-siġar Maltin jiddakkru jew idakkru, b’mod naturali, is-siġar bħalhom li jikbru fil-pajjiżi tal-Mediterran għax il-firxa tal-baħar tal-madwar hija kbira wisq.

Matul il-medda tas-snin, uħud minn dawn is-siġar Maltin, saru rari ħafna, waqt li oħrajn inqerdu għal kollox.  Ilum insibu madwar 60 speċi ta’ siġar Maltin li għadhom jikbru, jħaddru, u jsebbħu pajjizna, għalkemm ’l biċċa l-kbira huma kemmxejn rari u jikbru f’postijiet imwarrba.

IR-RIĦAN – waħda mis-siġar Maltin, li għadha tħaddar u twarrad f’xi rqajja tal-gżejjer Maltin, tgħamel ħilitha biex tkompli issebbaħhom minkejja l-imġieba negattiva tagħna.  U minkejja li huwa tant ħafif biex titnissel, xorta għad hemm min jagħżel li jdaħħalha f’pajjiżna billi jixtriha jew iġibha minn pajjiżi oħra, fil-riżultati negattivi kollha li jista’ jkollha.

Kif u għaliex inqerdu xi siġar Maltin

Meta l-bniedem rifes fuq dawn il-gżejjer, dan mill-ewwel kellu impatt fuq l-ambjent naturali Malti, anki fuq is-siġar. Dan beda jaqta’ s-siġar għall-injam biex jibni għatja fuq rasu; biex ikebbes in-nar, kemm biex isajjar kif ukoll kontra l-kesħa, u anki biex bl-injam jagħmel manek għall-għodda.  Il-bniedem ukoll ġab miegħu xi annimali domestiċi, fosthom il-mogħoż.  Dawn xejn ma għenu fit-tnissil tas-siġar Maltin, għaliex kull nebbieta ta’ kull siġra kienu jqaxxruha mill-qiegħ biex jiekluha. Il-qerda tas-siġar ħadet xejra oħra meta l-bniedem beda jaħdem l-art biex ikabbar l-uċuh tar-raba’. U numru ta’ siġar Maltin, tbiċċru, tqaċċtu, u nqalgħu biex għamlu wisa’ għall-għelieqi.

Il-ħakma tal-gżejjer mill-barrani matul is-snin, l-aktar dawk Rumani u dawk Għarbin wkoll kompliet tneżża lil dawn il-gżejjer mill-għatja ta’ siġar Maltin.  Dan kien isir ukoll għall-għanijiet ta’ gwerer, u l-injam tagħhom saħansitra għen biex inbnew xi xwieni. Anki llum il-ġurnata għadna naraw l-imġieba negattiva u n-nuqqas ta’ apprezzament tal-bniedem lejn is-siġar.  Wieħed ma jieħux gost jgħid, imma n-nuqqas ta’ edukazzjoni dwar dan il-wirt, tkompli tgħin biex is-siġar Maltin ikomplu jonqsu bil-mod il-mod.  U kif ngħidu aħna, tieħu mingħajr ma trodd, is-swar tħott.

Illum naraw theddida oħra ġdida għas-siġar Maltin.  Din ġejja mill-importazzjoni, jew id-dħul fil-pajjiż ta’ siġar minn kull rokna tad-dinja: mill-Asja, mill-Amerika, mill-Awstralja, u mill-Afrika t’Isfel, mingħajr l-iċken ħsieb ta’ l-impatt negattiv li dawn jista’ jkollhom mhux biss fuq is-siġar Maltin imma anki fuq l-annimali u l-pjanti slavaġġ, jiġifieri fuq l-ekosistema Maltija.  Dan biex ma nsemmux ukoll l-impatt ekonomiku, dak storiku, dak tas-saħħa tal-bniedem, dak estetiku, dak agrikolu, u impatti oħra.  Sfortunatament, wieħed mill-għanijiet ewlenin għad-dħul ta’ dawn is-siġar barranin huwa biss għan ta’ qliegħ ta’ flus.

Hawn ukoll min jaħseb li biex tgħin lis-siġar u l-ekosistema tal-gżejjer Maltin huwa billi jinxtraw jew jinġiebu siġar bħal dawk Maltin, minn pajjiżi oħra, mingħajr ma jqis l-impatt negattiv li dawn jista’ jkollhom fuq is-siġar Maltin stess, bħal ma sfortunatament diġa rajna. Hawnhekk ma jistax ma jingħadx li dan huwa kollu riżultat tan-nuqqas ta’ apprezzament tas-sistem ekoloġika, nuqqas ta’ għarfien tal-obligazzjonijiet internazzjonali f’dan il-qasam, kollu frott tan-nuqqas ta’ rieda u n-nuqqas ta’ edukazzjoni.

aebaldacchino@gmail.com

Advertisements

One Response to IS-SIĠAR MALTIN

  1. john falzon says:

    Dis-sena akkwistajt sigra tar-Rihan li se nzommha f’qasriha sakemm tiber ftit iehor imbghad inhawwilha fl-ghelieqi li ghandna fil-limiti tas-Siggiewi.

    Hudha minghandi li facli tixtri Zebbuga jew Cirasa. Imma mhux hekk fil kaz tar-rihan. Biex ikollok wahda trid tiddobbaha.

    Meta ftit tas-snin ilu kont New Zealand indunajt x’mizuri severi u stretti qed jiehdu biex ma tkomplix issir hsara lill-ekologija taghhom.

    Artikli bhal tieghek jiswew biex tqum kuxjenza favur il-preservazzjoni tal-ambjent lokali.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: