Il-Buskett


 Il-Ħadd, 24 ta’ Jannar 2010

Il-Buskett – Alfred E. baldacchino

IL-BUSKETT huwa ta’ importanza kbira għall-gżejjer Maltin, mill-aspett storiku, ekoloġiku, ekonomiku, edukattiv, studju xjentifiku u anki rikreattiv. L-isem Buskett tfisser bosk żgħir (Boscetto), u mhux ġnien bħalma jaħsbu xi wħud. Il-Buskett huwa l-uniku post fil-gżejjer Maltin fejn hemm masġar naturali taż-żnuber, minbarra li hemm numru ta’ ambjenti naturali differenti,bħal ngħidu aħna, makkja, fdal ta’ foresti naturali, livelli differenti ta’ xagħri, u anki masġar ta’ siġar tan-nixxigħat.

Il-Kavallieri, li mingħajr dubju kellhom l-aħjar viżjoni ambjentali minn dawk kollha li ħakmu lil Malta, mill-ewwel għarfu l-importanza ta’ dan il-post. Mingħajr il-kontribut tagħhom ma kienx ikollna dan il-wirt sinjur. L-Ingliżi li ġew wara l-kavallieri wkoll taw sehemhom fil-ħarsien ta’ dan ilpost uniku. Illum, sfortuntament, kif wieħed jista’ jara jekk imur sa hemm, il-Buskett għandu telqa fuqu li tħammar wiċċ kull minn huwa kburi li huwa Malti: bini storiku mġarraf, l-ambjent naturali stuprat, xi kultant anki bi flus pubbliċi, u nuqqas ta’ sensittività minn min huwa responsabbli għal dan l-ambjent naturali uniku. Inħossni nistħi ngħid bħala Malti, li l-ħakkiema barranin ħadu ħsieb dan il-post aktar mill-mexxejja Maltin.

L-ewwel ħarsien legali ngħata lill-Buskett fl-1933. Permezz tal-Avviż tal-Gvern 269 tal-1933 numru ta’ siġar fil-Buskett kienu mħarsa minħabba l-valur ta’ antikità tagħhom. Fl-1996 il-Buskett kien skedat taħt l-Att tal-Iżvilupp u l-Ippjanar bħala Arja ta’ Importanza Ekoloġika, Sit ta’ Importanza Xjentifika, Wesgħa ta’ valur għoli ta’ landscaping, u kien skedat bħala Masġar (Bosk), kif jidher fl- Avviż Legali 403 tal-1996. Il-Buskett u numru ta’ siġar indiġeni wkoll huma mħarsa b’Avviż Legali 12 tal-2001.

Fl-2003 il-gvern Malti ppropona l-Buskett bħala Sit ta’ Interess għall-Komunità Ewropea, kif jixhed Avviż tal-Gvern 257 tal-2003, bil-għan li l-Buskett ikun aċċettat mill-Kummissjoni Ewropea bħala Żona Specjali ta’ Konservazzjoni (Special Area of Conservation – SAC) kif titlob id-Direttiva tal-Ambjenti Naturali (EU Habitats Directive). Avviż Legali 257 tal-2003 jagħti lista ta’ speċi u ambjenti naturali li jridu jkunu mħarsa skont id-Direttiva tal-Habitats tal-Unjoni Ewropea, u wkoll jiġbor fih dawk ir-regolamenti Maltin kollha li jħarsu l-ispeċi u l-ambjenti naturali, fosthom il-Buskett. Dan l-Avviż Legali huwa ffirmat mill-Ministru Ġorġ Pullicino. Il-Buskett illum huwa parti mix-xibka ta’ Natura 2000 tal-Unjoni Ewropea, u dan iġorr miegħu numru ta’ obbligi legali. Dan kollu sar meta l-Ministru Ġorġ Pullicino kien Ministru tal-Ambjent, u naħseb li dan jaf bl-obbligi li hemm biex jeduka, u jqajjem kuxjenza pubblika, qabel kull politika partiġġjana jew xi avvanz personali, kif korrettement qal hu nnifsu.

Barra minn hekk ir-regolamenti tal-1997 dwar il-ħitan tas-sejjieħ u strutturi rurali oħra, ukoll japplikaw għan-numru ta’ strutturi u ħitan tas-sejjieħ fil-Buskett. Mingħajr dubju dawn kollha huma miżuri ta’ ħarsien li jirregolaw kif għandu jsir kull tip ta’ xogħol f’dawn l-inħawi li llum jifformaw parti minn Natura 2000 tal-Unjoni Ewropea. Bħala sit Natura 2000 kull tip ta’ xogħol irid ikun skont il-permessi u kondizzjonijiet maħruġa taħt dawn ir-regolamenti. Dawn iridu jkunu osservati u inforzati.

Dan ifisser li fil-qasam tal-ħarsien tal-biodiversità, wieħed ma jistax jidħol b’inġenji bħal gaffef u jtajjar kull ma jaħseb li mhux importanti għalih, jiżbor bis-serrieq mekkaniku kull fergħa li jħoss li mhix f’postha, litteralment jikness qiegħ il-wied mill-weraq niexef, jaħsad il-veġetazzjoni ta’ taħt is-siġar, iqaxxar il-ħitan mil-liedna biex tidher il-ġebla. Dawn kollha jridu permessi minn qabel biex jistgħu jsiru. Barra minn hekk, min ried jagħmel dan ix-xogħol ried jissottometti stima marbuta ma’ dan it-tip ta’ xogħol (appropriate assessment) tal-impatti minn kull aspett fuq is-sit, kemm dawk storiċi kif ukoll dawk ekoloġiċi, u dan wara li jisma’ l-opinjoni pubblika fuq dan ix-xogħol li jkun jixtieq jagħmel. Wara li jġib il-permessi meħtieġa mingħand l-Awtorità Kompetenti f’dan il-qasam – jiġifieri l-MEPA – irid joqgħod għall-kundizzjoni li din tagħmel. Wieħed jistenna li min kien responsabbli mill-ħarisen tal-ambjent u anki responsabbli mill-MEPA jimxi ma’ dawn l-obbligi kelma b’kelma, anki jekk biex jagħti eżempju tal-għarfien tal-obbligi li l-pajjiż għandu fl-oqsma internazzjonali u l-kondizjnijiet mitluba mill-MEPA. Imma…

Meta beda x-xogħol fuq il-Buskett fl-2005, kien hemm reazzjoni qawwija ħafna mill-pubbliku u anki fil-gazzetti kontra dan ix-xogħol. In-NatureTrust, fit-23 ta’ Lulju tal-2005 fil-gazzetta The Times ħarġet stqarrija fejn uriet id-diżappunt tagħha għax-xogħol insensittiv għall-ekoloġija tal-Buskett, li kompla minkejja l-protesti tagħhom fejn saħansitra staqsew jekk dan kellux il-permessi meħtieġa skont il-liġi, u fejn ukoll taw indikazzjoni li kien qed jintuża l-erbiċida biex toqtol ilveġetazzjoni ta’ taħt is-siġar. Fl-istess ħarġa ta’ The Times il-Birdlife ġibdu l-attenzjoni li kien qed isir żbir ta’ siġar u tqaxxir tal-liedna minn mal-ħitan u kien qed ikun hemm ħsara irreparabbli lillambjent tal-masġar. Kien hemm akkużi oħra mill-għaqdiet ambjentali dwar il-qerda ta’ nebbiet ta’ numru ta’ siġar, kemm tal-Ballut, kif ukoll tad-Deru, kollha siġar imħarsa bil-liġi. Dan kollu f’sit li huwa parti minn Natura 2000 tal-Unjoni Ewropea fejn xejn minn dan ma jista’ jsir.

James Debono fil-Malta Today tas-17 ta’ Lulju 2005 kiteb li l-konsorzju, li minnu kien responsabbli l-Ministru Pullicino, kien qed jimmaniġġja l-Buskett bħallikieku dan kien xi roundabout. Kelliema għan-NatureTrust, fl-istess ħarġa tal-MaltaToday, qalet “kif nistgħu nkomplu nedukaw lill-pubbliku u t-tfal tal-iskola li jżuru l-Buskett, meta ma hemm l-ebda ħarsien tal-post mill-awtoritajiet infushom?”

Fil-Malta Today ukoll tas-17 ta’ Lulju 2005, Saviour Balzan kiteb li l-premju tax-xahar imur għallkonsorzju li għamel mandra (mess) fil-Buskett u qal li l-Ministru Ġorġ Pullicino għandu joħroġhom minn hemm MINNUFIH. Saviour Balzan donnu kien profeta għax il-konsorzju ngħata premju kmieni din is-sena.

Wara l-kummenti, suġġerimenti u pariri tiegħi dwar din il-ħsara, meta kont għadni fis-servizz pubbliku, kont ġejt infurmat li l-Buskett ma baqax aktar taħt ir-responsabbiltà tiegħi. Kważi tliet snin wara li beda xogħol fil-Buskett fl-2005, u jien kont ili li rtirajt kważi sena, il-Ministru Pullicino ħareġ stqarrija li dehret fl-Independent on Sunday fl-24 ta’ Frar 2008, fejn qal li “ix-xogħol li l- Ministeru kellu ħsieb jagħmel (fil-Buskett) kien imwaqqaf mill-MEPA li sostniet li x-xogħol proġettat seta’ jagħmel ħsara lill-ekosistema.” Dan ifisser li x-xogħol li sar u dak li kien hemm maħsub li jsir ma kellux il-permessi meħtieġa, kemm mingħand id-Direttorat tal-Ambjent kif ukoll mingħand dak tal-Ippjanar tal-MEPA.

Fis-6 ta’ Ġunju tal-2008, (wara aktar minn sena rtirat) kont mitlub mill-Ministeru biex nagħmel rapport fuq il-Buskett fejn fih ikun hemm emfasi dwar il-miżuri li huma meħtieġa fil-Buskett. Dan wassaltu b’idejja fil-31 ta’ Awwissu 2008. Għaddew kważi sena u nofs, u xorta waħda għadu ma sar xejn. Sinċerament ma nafx xi jrid il-Ministru: forsi stenna li se ngħidlu biex iħawwel il-pensjeri u s-sardinell madwar is-siġar fil-Buskett! Li għamilt, għamiltu biex insalva l-biodiversità mhedda Maltija, u biex Malta ma tiffaċċax problemi mill-Unjoni Ewropea dwar ksur tad-Direttiva tal-Habitats. Dawn jista’ jkollhom konsegwenzi finanzjarji, ekonomiċi, u politiċi koroh fuq il-pajjiż. Dan għarfitu wkoll il-MEPA għax ma ħarġitx il-permessi għax-xogħol li ried jagħmel il-Ministru Pullicino u waqqfet il-ħerba li kienet qiegħda ssir, minkejja li jien ma bqajtx responsabbli mill-Buskett u ma kontx għadni fis-servizz pubbliku.

Il-prinċipji tiegħi dwar il-ħarsien tal-wirt naturali minn dejjem kienu, għadhom, u jibqgħu l-istess, u huma bħal dawk li hemm fid-Direttivi tal-Unjoni Ewropea, minkejja kull attentat li hemm jew li jista’ jkun hemm minn xi ħadd biex jgħatti xturu u jipprova joskurani.

Kif tixhed l-istqarrija tal-Ministru Pullicino, fit-TORĊA tal-Ħadd 10 ta’ Jannar 2010, ma nistax nemmen u ma nistax nifhem għaliex qed iħares daqshekk lura fiż-żmien. Irrifjuta u għadu qed jirrifjuta kull parir, u kull għajnuna minn dawk li jridu u li huma lesti li jgħinuh. Iżda naqbel miegħu perfettament meta f’din l-is-tqarrija qal li “… nistenna li kulħadd jerfa’ r-responsabbiltà tal-pożizzjonijiet li jieħu.”

F’kull qasam l-akbar responsabbiltà hija ta’ dawk li kienu fdati mill-poplu biex jieħdu ħsieb lambjent naturali Malti, li aħna ssellifna mingħand uliedna, u mingħand ulied uliedna. Il-Buskett qed jibki għall-pjan ta’ azzjoni professjonali u skont l-obbligi legali li l-pajjiż għandu. U m’hemm xejn xi jżomm lill-Ministru li jagħmel dan fl-interess tal-pajjiż mingħajr ħela ta’ enerġija u kritika partiġġjana.

Il-pariri tiegħi fuq il-Buskett ilhom għandu s-snin, u l-għajnuna tiegħi professjonali għall-ħarsien tal-wirt naturali Malti ntiha lil kull min jixtieqha, hu min hu.

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: