Il-bdil fil-klima


Il-Punt | 10 ta’ Jannar 2010 Nr 168

 Il-bdil fil-klima

Alfred E. Baldacchino

Il-laqgħa ta’ Copenhagen ġiet u għaddiet. Wieħed ma jkunx żbaljat jekk jgħid li ħmir konna u mija bqajna. U mad-dinja qed jisħnu wkoll l-irjus. Hemm uħud li ma jridux li jbiddlu l-istil ta’ ħajja li qed twassal għal dan il-bdil fil-klima. Hemm min qed isostni li għandu dritt li juża l-mezzi ta’ enerġija li uża ħaddieħor biex anki hu jkun jista’ jilħaq il-livell ta’ ħajja bħal ħaddieħor.

 Hemm dawk li huma lesti li jħallsu biljunu ta’ ewro biex ħaddieħor ma jagħmilx kif għamel hu. Saħanstira hemm dawk li jsostnu li din il-bdil fil-klima hi kollha qlajja’ ta’ wħud li huma fundamentalisti jew għandhom xi għan moħbi kummerċjali jew politiku. U aħna bħala gżira żgħira xi ngħidu?

 Ma tiskantax tisma’ lill-uħud jgħidu li tant aħna żgħar li m’għandniex impatt fuq il-bdil tal-klima u ma nistgħu nagħmlu xejn. Wieħed qisu jinsa li għandna vuċi daqs ħaddieħor u għandna mħuħ intelliġenti biżżejjed f’dan il-pajjiż biex nistgħu nagħmlu lpunt fl-oqsma internazzjonali, jekk inxiddu din il-mentalità kolonjali. Naħseb li xi ħaġa li toħroġ ċara mill-laqgħa ta’ Copenhagen hi li l-pajjiżi ż-żgħar se jkunu minn tal-ewwel li jsofru. L-impatt negattiv se jkun soċjali, ekonomiku kif ukoll ekoloġiku. Mingħajr determinazzjoni ċara ta’ dan il-punt f’oqsma internazzjonali nkunu qisna qegħdin nistennew il-mewġa tkaxkarna u min qed jerfa’ din ir-responsabbiltà mbagħad jipponta subgħajh lejn ħaddieħor u jgħid li mhux tort tiegħu.

 Nhar il-Ħamis 7 ta’ Jannar kien hemm simposju mtella’ mid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Internazzjonali tal-Università ta’ Malta bit-tema ‘Il-Bdil fil-Klima: Tweġiba Nazzjonali għall-Azzjoni Globali’. L-interess kien wieħed qawwi. Fost numru kbir ta’ studenti universitarji kien hemm ukoll uħud minn diversi setturi kif ukoll akkademiċi bħal ekonomisti, ġeoloġi, bijologi, periti, inġiniera,  ġurnalisti, politiċi, avukati kif ukoll individwi. Il-kummenti, suġġerimenti, u kritika kostruttiva minn dawn kienu jagħmlu sens, u li kieku dawn jittieħdu bis-serjetà kieku jkun hemm viżjoni aktar b’saħħitha, ċara, li twassal għall-azzjoni magħquda b’saħħitha.

 Sfortunatament in-naħa uffiċjali li għandha responsabbiltà diretta jew indiretta f’dan il-qasam kienu jidhru kemmxejn fragmentati, mifxula u anki mingħajr ħeġġa. Hemm min qal li falla għax ma kellux l-għajnuna tal-poplu. Hemm min qal li l-poplu jitrażżan biss bit-taxxi. Hemm minn tmasħan fuq kummenti, suġġerimenti jew kritika kostruttiva tal-pubbliku. Insomma, il-laqgħa tal-Belt tas-7 ta’ Jannar kienet qisha mera tal-laqgħa f’Copenhagen: m’għandiex xi ngħidu fuq skala iżgħar.  Kulħadd għassa mar-roqgħa tiegħu, lest biex jipponta subgħajh lejn ħaddieħor jekk jinstab taħt pressjoni.

 Il-punt hu li meta minħabba ż-żieda fit-temperatura f’pajjiżna l-ilma tax-xorb jinxef, anki minħabba l-użu u l-immaniġġar ħażin; meta l-uċuh tar-raba’ ma jibqgħux jiddakkru aktar għax l-insetti indiġeni ma jkunux jistgħu jgħixu f’temperatura ogħla, anki minħabba l-kompetizzjoni ta’ speċi oħra barranin; meta l-ħajja fil-baħar madwarna bil-bdil fit-temperatura tal-ilma, bdil fissalinità, nuqqas ta’ ikel, u kompetizzjoni minn speċi barranin, min se jkun dak, jew dawk, li jqum u jgħid: “Jien kont responsabbli u fallejt”?

 Alfred E. Baldacchino hu espert fil-ħarsien tal-ambjent

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: